Mhux faċli li tgħid “Le”, speċjalment meta kullħadd ikun qed jgħid “Iva”. Xi drabi huwa diffiċli li żżomm ma’ dak li inti temmen fih. Kollha kemm aħna nibżgħu li ninqatgħu waħedna u nispiċċaw mingħajr ħbieb għax inkunu qed naħsbuha differenti mill-oħrajn, jew għax nemmnu affarijiet differenti. Difficċli li tkun “hemm barra”, minħabba li l-ħin kollu nkunu ġġudikati b’mod negattiv jew li jgħajjruna.

Meta kelli sbatax il-sena sifirt ma’ grupp minn sħabi mis-sixth form fuq programm ta’ l-Ewropa. Konna 15 b’kollox. It-tlett għalliema li ġew magħna qalulna biex nibqgħu flimkien il-ħin kollu. Ħejjewlna pjan, imma mill-ewwel deher ċar li xi wħud minna, dawk li l-aktar iħobbu jitkellmu, kienu ser jikkontrollaw dak kollu li jiġri. Bdew jitolbu li jinbidel il-programm. Jekk kienu jiddeċiedu li jridu jkunu barra f’xi ħinijiet, allura kien isir hekk. Jekk iddeċiedew li riedu jmorru jixtru f’xi ġurnata minnhom, kien jinbidel il-programm ukoll biex jakkomodahom. Ma nafx x’ġara mill-għalliema, forsi anki huma ma riedux li ma jkunux popolari magħna, jew li forsi ħasbu li kellna nieħdu minn dan il-vjaġġ dak li xtaqna. Ħasbu li dawk li kienu qed jitkellmu kienu qegħdin jagħmlu dan f’isimna lkoll. Qatt ma staqsew lill-oħrajn x’naħsbu, jekk ridnix nagħmlu xi affarijiet differenti, jew jekk konnix naqblu ma’ dak li kienu qed jitolbu l-oħrajn. U aħna qatt ma għidnielhom.
Lejl minnhom issuġġerew li mmorru festin. L-għalliema iddeċiedew li jħalluna mmorru waħedna, basta nibqgħu flimkien.  Meta morna sibna li kien hemm xi wħud li deheru mħarbtin. Kien hemm grupp ta’ rġiel li deheru xi ftit akbar minna u li kienu qed ipejpu sigaretti b’riħa ta’ ħaxixa. Resqu fuq il-grupp tagħna, għamlu ħbieb magħna u offrewlna biex inpejpu. Diġa kont irrabjat miegħi nnifsi li ma kontx assertiv biżżejjed matul dan il-vjaġġ. Issa ġietni l-opportunità li nkun assertiv miegħi nnifsi. Irrifjutajt li npejjep il-ħaxixa kull darba li offrewli. Irrifjutajt anki meta xi wVud mill-grupp tagVna bdew jgViduli li ma fiha xejn li npejjep, u li l-ħaxixa ma tagħmilx ħsara. Kien hemm tfajla oħra li rrifjutat ukoll. Fl-aħħar, wieħed mill-grupp tagħna staqsiena: “Intom ma tistħux li tkunu intom biss li ma ppruvajtux il-ħaxixa? Aħna kollha ppruvajna…” “L-anqas xejn”, għidtlu jien mill-ewwel, “Għall-kuntrarju, inħossni kburi li jien wieħed minn tnejn biss li m’aċċettawx li jippruvaw.” Ma nafx min kien l-aktar sorpriz b’dan il-kliem li irnexxili ngħid – jekk hux jien jew hu!
AĦSEB FTIT:
  • Tista’ ssemmi xi nies li inti taf, li ma jibżgħux jgħidu dak li jħossu u li ma jibqgħux lura milli jiffurmaw opinjoni fuq ħwejjeġ differenti?
  • Xi kwalitajiet għandhom dawn in-nies li jkunu kapaċi jsemmgħu leħenhom?
  • Meta ssibha faċli għalik li tgħid dak li tħoss, dak li tixtieq, jew dak li għandek bżonn?
  • Meta ssibha diffiċli li tgħid dak li tħoss, dak li tixtieq, jew dak li għandek bżonn?
  • Qatt sibt ruħek tkun imġiegħel tagħmel dak li ma xtaqtx li tagħmel, u ma aċċettajtx?
  • Kif ħassejtek wara?

Migjub lilkom b’kollabrazzjoni ma’  Gestalt Psychotherapists:

1. Geraldine Borg, ger_b_202@yahoo.com / 7932 4008

2. Nadine Castillo, nadinecastillo13@gmail.com / 9945 2436  

3. Karen Schranz. karenschranz@yahoo.com / 9942 8395