Storja dwar il-bullying

Meta kont fil-primarja, kont immur tajjeb. Kont inkun mistiedna għal diversi parties u dejjem kelli numru sabiħ ta’ ħbieb li kienu jiġu għall-parties tiegħi. Waqt il-break, kont inkun ma’ sħabi nilagħbu. Kont kuntenta. Imma meta tlajt fis-sekondarja, speċjalment issa li qiegħda fit-tielet sena, l-affarijiet inbiddlu.
bullying
 Filwaqt li jien għadni nara l-cartoons fuq it-TV, nilgħab il-logħob fuq il-kompjuter u mmur niġri, sħabi kollha tal-klassi interessati biss biex joħorġu, biex jimpressjonaw lis-subien u l-biċċa l-kbira minnhom iffissati fuq kif jidhru – xagħarhom, fuq id-dieta u fuq kif il-ġisem tagħhom qed jinbidel. Inħoss li dawk kollha ta’ madwari qed jinbidlu u jikbru, u jien qiesni bqajt kif kont. Inħossni mdejqa u waħdi.
Hekk hu, ma nħossnix lesta li noħroġ ma’ sħabi, u ma nħossnix kunfidenti li nibda nitkellem mas-subien. Veru qed nibża u nisthi kif il-ġisem tiegħi qed jinbidel.
Sfortunatament, l-oħrajn qed jindunaw bija, u kull ma jmur qed insibni dejjem waħdi waqt il-logħob. Veru niddejjaq bejn klassi u oħra, għax dak u l-aktar ħin li sħabi jibdew jitkellmu dwar il-weekend li jkun għadda, jew il-weekend li ġej, u jien fuq il-bank, nistenna l-għalliema, waħdi, ovvjament! Xi kultant jibdew jitkellmu bil-mod bejniethom u jħarsu lejja qishom jidħqu bija. Mhux l-ewwel darba li staqsewni jekk għandix boyfriend, avolja jafu li m’għandix. Xi drabi nirrispondihom li le, drabi oħra nitlaq l’hemm. Nagħmel x’’nagħmel, jibqgħu jittantawni. Waħda minnhom sa qaltli li jien kerha wisq biex ikolli boyfriend.
Xi drabi jistaqsuni biex noħroġ magħhom, imma ma nilbisx l-istess bħalhom, u noqgħod veru kwieta meta jkun hemm is-subien. Insir wisq konxja tiegħi nnifsi. Xi wħud minnhom wara qaluli li ma kontx tajba biex noħroġ magħhom; li kont kwieta wisq u mistħija; li l-imġieba tiegħi u l-mod kif nidher iddejjaqhom.
Ma naħsibx li jien stramba, imma – onestament naħseb li jien għadni ma wasaltx fejn waslu huma, u li għalissa nieħu pjaċir nagħmel affarijiet oħrajn. Ma nħossx li qed nitlef xi ħaġa. Ma rridx nisforza jew ngħaġġel biex nikber, u nippretendi li nsir xi ħadd li jien ma rridx. Naf li mhinix waħdi u li hemm bniet oħra bħali hemm barra… forsi inti waħda minna?
AĦSEB FTIT:
  • Ġieli għajruk, jew lil xi ħadd minn sħabek, jew ħallewk barra mill-grupp, jew refgħu idejhom fuqek, jew għamlulek xi affarijiet oħrajn biex idejquk?
  • Jekk inti, jew xi ħadd li taf, dejquh, x’ħassejt?
  • Kif inti, jew ħaddieħor li taf, għaddejtu mill-esperjenza ta’ bullying?
  • Qatt inti jew xi ħadd minn sħabek, dejjaqtu lil xi ħadd?
  • Kif taħseb li “bully” tħossha?
  • Kif jista’ wieħed jieqaf milli jkun bully?

Migjub lilkom b’kollabrazzjoni ma’  Gestalt Psychotherapists:

1. Geraldine Borg, ger_b_202@yahoo.com / 7932 4008

2. Nadine Castillo, nadinecastillo13@gmail.com / 9945 2436  

3. Karen Schranz. karenschranz@yahoo.com / 9942 8395