Id-Diżabilta’ hija s-suġġezzjoni ta’ sterjotipi negattivi mill-membri ta’ soċjeta’, fejn l-ambjent ipoġġi enfasi fuq id-diżabilta’ aktar milli fuq l-esperjenza ta’ dak in-nuqqas. Dan l-ambjent jiġi kostruwit mis-soċjeta’ u jikkawża stress fuq dawk involuti. 

Hemm differenza kruċjali bejn l-esperjenza personali ta’ dak l-indeboliment jew nuqqas u l-mod kif is-soċjeta’ timponi l-kunċett ta’ diżabilta’.

Persuni b’diżabilta’ jistgħu jesperjenzaw oppressjoni minħabba l-fatt li s-soċjeta’ ittihom status ta’ minorita’ għax huma differenti. Dan il-kunċett jaċċentwa l-fatt li grupp superjuri f’soċjeta’ joppressa u jirristrinġi lil dawk li b’xi mod huma differenti, fejn il-karatteristiċi huma mkejla b’riga jisimha ‘normalita’ minn dawk li konvenjentement jidħlu f’dan il-kejl u jikkonformaw miegħu. 

F’ħafna mill-pajjiżi tal-punent, id-diżabilta’ hija meqjusa bħala traċedja personali fejn l-esperjenza li jkollok diżabilta’ hija meqjusa bħala traċedja sfortunata. Din l-idea tiġġenera oppressjoni u tpoġġi lil dawk li huma meqjusa ‘mingħajr diżabilta’’ f’pożizzjoni ta’ espert li tinpinġi fuq dawk li huma meqjusa li għandhom diżabilta’ x’jistgħu jagħmlu, x’ma jistgħux jagħmlu u x’mghandhomx jagħmlu. Dan isir billi jitpoġġew aspettattivi eċċessivi fuq dawn il-persuni.  

Teżisti wkoll it-tendenza sfortunata li niddeskrivu lill-persuni b’diżabilta’ b’kummenti u kliem li jpoġġuhom f’dawl meskin li jkompli jikkonferma l-mod kif il-kumplament tas-soċjeta’ taġġixxi magħhom.

Filwaqt li lkoll kemm aħna nagħrfu l-ħtiġijiet tagħna, inkluż il-bżonnijiet naturali tagħna u anki dawk sesswali, hemm bżonn li nkunu wkoll konxji dwar kemm qiegħdin ninsew dawn l-istess bżonnijiet ta’ oħrajn meta nassumu li d-diżabilta’ twarrab kull ġibda, attrazzjoni jew anki ix-xewqa li jħobbu li dawn il-persuni jista’ jkollhom. 

Għandna bżonn li nwarbu l-mudell mediku u niffukaw iktar fuq x’tista’ tagħmel kull persuna b’mod differenti iktar milli x’ma tistax tagħmel. 

Is-soċjeta’ toħloq kunċetti żbaljati li jikkawżaw oppressjoni, anki fejn l-intezjoni tkun tajba. Biex nagħtu eżempju in-natura tal-organizzazzjonijiet ta’ karita’ jistgħu ipinġu lill-persuni b’diżabilta’ bħala persuni dgħajfa, dipendenti u li jridu dejjem jikkumbattu f’ħajjithom. 

Minkejja l-flus li jinġabru u l-għarfien li jitwassal minn dawn l-għaqdiet, il-fatt li d-drittijiet umani mogħtija lil dawn in-nies jidhru qishom karita’, jistgħu itebbgħu xi ftit l-intenzjonijiet tajbin li jista’ jkun hemm. Huwa possibli li noħolqu soċjeta’ fejn tispiċċa r-realta’ li dawk ‘iktar abbli’ jipprovdu lil dawk ‘inqas abbli’ fejn persuni b’diżabilta’ f’sitwazzjoni sottomessa, bla kontroll fuq ħajjithom u dipendenti, ikunu fiċ-ċans li dak li ingħatalhom jista’ saħansitra jittieħdilhom. 

Li nkunu konxji u li nifhmu aħjar xi tfisser oppressjoni, jgħina nistinkaw biex ikollna soċjeta’ iktar ugwali li tipprovdi drittijiet lill-individwi; lilhinn minn dak li jista’ jaqa’ taħt l-aġġettiv ta’ normalita’, ħasra jew li nqisu lill-persuna inqas minn persuna sħiha.   

Għandna bżonn inkunu iktar konxji tal-perċezzjonijiet, suppożizzjonijiet u preġudizzji li jista’ jkollna filwaqt li naħdmu favur soċjeta’ inklussiva li ma tgħażilx bejn il-membri tagħha.   

Id-diżabilta’ għandha tkun kwistjoni ta’ ekwita’ fejn il-ħtiġijiet ikunu addattati u provduti skond iċ-ċirkustanza tal-persuna.  

Il-ħtiġijiet ta’ persuna b’diżabilta’ imorru lilhinn mid-diżabilta’ innfisha u jkompru sitwazzjonijiet oħrajn bħal oppressjoni internalizzata, li tgħix muġugħ, li tgħix f’soċjeta’ li tgħamlek diżabbli, għejja emozzjonali, kwistjonijiet ta’ relazzjonijiet u l-esperjenza ta’ oppressjoni simultanja.