Id-diskriminazzjoni x’inhi? Diskriminazzjoni hija meta persuna tiġi trattata negattivament minħabba xi karatteristika partikolari li għandha. Persuna tista’ tesperjenza diskriminazzjoni ħabba l-eta’, diżabbilta’, identita’ sesswali jew tal-ġenru, razza, saħħa, stat maritali, fittizji fiżiċi, impjieg, fost oħrajn.

Kif sseħħ id-diskriminazzjoni? Id-diskriminazzjoni tista ssir b’diversi modi. Diskriminazzjoni diretta hija meta persuna tiġi trattata negattivament meta kkumparata ma ħaddieħor. Per eżempju, meta persuna ma tiġix aċċettata għal xogħol minħabba l-eta’ tagħha. Id-diskriminazzjoni tista wkoll tkun indiretta, fejn ċertu kundizzjonijiet jitpoġġew fuq persuna li imbagħad jpoġġuha fi żvantaġġ. Per eżempju meta skola ssaqsi lil studenti jġibu biss ikel bnin magħhom, u student bid-dijabete jiġi kkastigat għax iġib xi ħaġa tal-ħelu miegħu. Hemm modi oħra kif id-diskriminazzjoni tista tiġri, li tvarja minn li tiġi ddiskriminat għax tiġi assoċjat jew maħsub li inti assoċjat ma’ persuna jew grupp li għandu karatteristika partikolari, sa li tiġi ffastidjat jew ivvittimizzat għax turi li qed sseħħ xi tip ta’ diskriminazzjoni.

Fejn isseħħ id-diskriminazzjoni? Tista sseħħ kullimkien; fi skejjel, fil-post tax-xogħol, fid-dar, f’post pubbliku, u anke fil-politika, fl-infurzar tal-liġi, fl-ivvaġġar, u fl-aċċess għal fondi. Irrespettivament fejn isseħħ, jekk tħossok li qed tiġi trattat/a b’mogħod negattiv għal karatteristika partikolari tiegħek, inti qed tesperjenza d-diskriminazzjoni.

X’nagħmel jekk qed nesperjenza d-diskriminazzjoni? L-ewwel nett, tippretendix li dan mhux qed jiġri. Jekk qed tiġi trattat/a negattivament, tinjorax dak li qed jiġri. Iffoka fuq l-aspetti pożittivi tiegħek, u ftakar li m’hemm xejn ħażin fik! Mhux tort tiegħek, u ma għandekx tħalli dan jiddefinixxik. Jekk huwa sigur li tagħmel dan, jista jkun tajjeb li tikkonfronta lill-persuna li qed tiddiskrimina kontrik u tinfurmah li dak li qed jagħmel huwa inaċċettabbli u li inti mhux se tittollera dan l-għaġir. Fittex is-sapport tan-nies ta’ madwarek, tal-familja u l-ħbieb ma’ min tista titkellem. Tista wkoll tuża sevizzi bħal Kellimni, fejn titkellem ma persuna professjonali li jista jisma u jiddiskuti miegħek l-aħjar pass ‘il quddiem.

X’nagħmel jekk qed niġi akkużat li qed niddiskrimina? L-aħjar ħaġa hija li tara jekk din l-akkuża hix ġusta. Jekk tara li inti qiegħed fil-ħażin, skuża ruħek għal dak li għamilt, u oqgħod attent li ma terġax tagħmel l-istess ħaġa. Timbarazzax jew iddejjaqx il-persuna li ġejt akkużat li ddiskriminajt kontriha. Jekk tħoss li l-akkuża mhix posta, tista tikkunsidra tfittex għajnuna professjonali jew legali biex tara kif l-aħjar li taġixxi.

Kif nista nipprevjeni d-diskrimazzjoni? Rispett għal kulħadd u li tinkoraġixxi d-diversita’ huma l-aħjar mogħdi kif tipprevjeni d-diskriminazzjoni. Qatt tinjora jew taċċetta għaġir ta’ diskriminazzjoni bl-ebda mogħod. Aqbeż għal dawk li jiġu ddisktiminati, u rrifjuta li tkompli ma għaġir li juri diskriminazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, kun lest li tisma u turi sapport lil kull min jiddeċiedi li jaqsam l-esperjenza ta’ diskriminazzjoni tagħhom miegħek.

Jekk tkun tixtieq tkellem lil Kellimni dwar inkwiet tiegħek dwar id-diskriminazzjoni, ftakar li aħna tim ta’ operaturi professjonali li lesti li nisimgħuk b’mod anonimu u kunfidenzjali 24/7.