Ilek taħdem għal numru ta’ snin u issa wasalt biex tirtira. Taf lil xi nies li diġà rtiraw, u wħud minnhom jidhru iktar kuntenti minn oħrajn. Għalhekk, jaf tkun kurjuż dwar kif l-esperjenza tal-irtirar ser tkun għalik. Jaf tistaqsi lilek innfisek, ‘X’hemm bżonn li jsir biex jien inkun kuntent f’dan il-perjodu ġdid ta’ ħajti?’, u/jew ‘Jiena lest/a biex nirtira?’

X’inhu l-irtirar u x’jinvolvi?

L-irtirar jista’ jiġi deskritt bħala stadju tal-ħajja li jinvolvi t-tmiem tal-impjieg ta’ persuna. Dan jista’ jseħħ f’diversi perjodi tal-ħajja, però l-maġġoranza jirtiraw meta jagħlqu l-eta’ tal-irtirar jigifieri meta jkollhom ‘il fuq minn sittin sena. Din it-transizzjoni tinvolvi bidla maġġuri fil-ħajja tal-irtirat peress li tirriżuta fit-telfa tal-istruttura li jkun dera biha l-individwu, struttura marbuta max-xoghol u l-ħajja privata. Minflokha, il-persuna tkun trid toħroġ bi stil ta’ ħajja ġdid, ħajja ta’ persuna rtirata. Li wieħed jirtira jfisser li jkun hemm bżonn li wieħed jiskopri mhux biss kif ser ikampa finanzjarjament, imma wkoll kif ser iqatta’ l-ġurnata bl-ammont ta’ ħin li issa ser ikollu disponibbli għalih. Għalhekk, it-tranżizzjoni tista’ tkun kemxejn stressanti, peress li wieħed ikollu jwaqqaf affarijiet li qabel kienu parti mir-rutina u forsi kienu jfissru ħafna f’ħajtu; filwaqt li jrid jagħmel għażliet ġodda, u jittieħdu deċiżjonijiet importanti.

L-irtirar mhux biss jaffettwa r-rutina li ser ikollha l-persuna rtirata imma ukoll r-relazzjoni mal-persuni li tgħix magħhom, għaliex li tirtira jinvolvi li l-persuni li jgħixu flimkien (b’mod partikolari l-koppji) jidraw jqattgħu iktar ħin flimkien matul l-ġurnata, u jilħqu ċertu kompromessi.

Reazzjonijiet differenti għal-Irtirar

Individwi differenti jħarsu lejn l-irtirar b’modi differenti. Uħud jarawha bħala opportunità biex jagħmlu affarijiet li ma kinux possibli meta kienu għadhom jaħdmu. Ikun hemm oħrajn li jkunu ħerqanin biex jirtiraw u jiksbu dik l-libertà li tiġi mal-irtirar; forsi minħabba li jkunu għejjew bir-responsabbiltà u d-diffikultà li jġib miegħu x-xogħol. Għal oħrajn l-irtirar jista’ jfisser it-telf tal-istruttura tal-ġurnata u tar-rutina li kien jagħtihom l-impjieg; u t-telfien tar-relazzjonijiet li ġew mibnija permezz tal-istess impjieg. Barra minn hekk, l-irtirar jista’ jġiegħel lil uħud biex jibdew jistaqsu lilhom infushom, ‘Jien min jien, issa li m’għadnix naħdem?’, ‘X’inhu l-iskop tiegħi?’. Dan japplika speċjalment għal dawk li ħajjithom kienet imdawra max-xogħol. Ix-xogħol iservi bħala mezz sabiex wieħed jikseb is-sodisfazzjon li hu utli fil-ħajja. Il-mod kif wieħed iħares lejn l-irtirar jaf ivarja fiż-żmien li wieħed ikun qiegħed jaddatta għall-ħajja ta’ rtirat. Għal ħafna, din il-bidla ġdida tista’ tkun mistennija b’taħlita ta’ antiċipazzjoni u ansjetà minħabba li ma jkunux jafu x’ser jiġri.

X’jaffettwa l-mod kif wieħed jaddatta għall-ħajja ta’ rtirat?

Kif wieħed iqatta’ din l-fażi huwa influenzat minn bosta fatturi bħal: jekk id-deċiżjoni li wieħed jirtira kinitx waħda volontarja jew involontarja (minħabba ċertu ċirkostanzi li ma kellux kontroll fuqhom);  jekk humiex iseħħu bidliet oħra (bħal pereżempju, telfien ta’ xi persuna importanti, mard fiżiku, responsabbiltà li wieħed jeħtieġ jieħu ħsieb xi membru tal-familja); il-livell ta’ sigurtà finanzjarja; ir-riżorsi li wieħed għandi f’ħajtu (il-kuntatti, l-interessi, l-għanijiet); fost oħrajn. Dan kollu jista’ jaffettwa l-għażliet li wieħed jista’ jagħmel meta jippjana kif ser jqatta’ il-ħajja ta’ rtirat.

Xi jkun utli li wieħed jikkunsidra meta jibda jaħseb biex jirtira?

  1. Tippjana minn qabel: L-irtirar huwa bidla kbira u għalhekk hu importanti li wieħed jibda’ jaħseb minn qabel kif ser iqatta’ il-bqija ta’ ħajtu. L-ippjanar jagħti biżżejjed żmien biex kull għażla possibbli tkun ikkunsidrata. Li ssib xi ħaġa li hi tassew sinifikanti mhijiex xi ħaġa faċli, u li tagħmel l-addattamenti neċessarji minn qabel jista’ jgħin biex tnaqqas ftit mill-istress u l-ansjetà li tiġi esperjenzata. Li tiddedika ħin sew biex taħseb f’xi jrid isir wara li wieħed jirtira ġeneralment jgħin biex wieħed jaddatta għal dan il-perjodu aktar malajr.
  2. L-istrutturar tal-ġurnata: Uħud jaf isibu li l-ħolqien ta’ struttura tal-ġurnata jew tal-ġimgħa, tgħinhom jiksbu lura r-rutina li kien jagħtihom ix-xogħol. Ir-rutina tgħin sabiex wieħed iżomm ruħu attiv, u anke toħloq ċertu antiċipazzjoni għal xi ħaġa mistennija. Ikun ukoll ta’ benefiċċju li wieħed jinkludi ħin iddedikat li fih jista’ jagħmel attivitajiet li jieħu gost jagħmel.
  3. Inqattgħu il-ħin ma’ nies oħrajn: Meta is-sors ewlieni ta’ interazzjonijiet jkun ġej mix-xogħol, mhuwiex rari li wieħed jibda jħossu iżolat u waħdu wara li jieqaf jaħdem. Huwa essenzjali li wieħed jinvesti f’relazzjonijiet ‘il barra mix-xogħol għaliex jaf ikunu sors importanti ta’ sapport. Li wieħed iqatta’ ħin ma’ nies oħra jgħin biex iħossu tajjeb u jħoss ċertu appartenenza. Dan jista’ jfisser ukoll li wieħed iżid il-ħin li jqatta’ ma’ tal-familja (pereżempju, jirrakkonta l-istejjer lin-neputijiet, iżur lill-qraba, eċċ) u joħloq kuntatti ġodda billi jissieħeb f’xi gruppi għal nies li jkunu rtiraw. F’lokalitajiet differenti hemm bosta ċentri għall-anzjani (day centres) li jorganizzaw ħafna attivatijiet. Għal iktar informazzjoni, żur  https://activeageing.gov.mt/en/Pages/Day-Centres/Day-Centres.aspx
  4. Il-sehem fil-volontarjat: Mod ieħor kif wieħed jista’ jikseb livell ta’ sodisfazzjon huwa l-volontarjat. Dan jagħti l-opportunità biex wieħed jaqsam l-għerf u l-esperjenza li jkollu, filwaqt li jħossu li qiegħed jikkontribwixxi fis-soċjetà. Jista’ mbagħad iservi biex lill-individwu jagħtih skop ġdid; filwaqt li jagħtih iċ-ċans li jagħmel ħbieb ġodda.
  5. Edukazzjoni Kontinwa: Mhumiex biss persuni li għadhom meqjusin żgħar li jistgħu jitgħallmu xi ħaġa ġdida. Hemm bosta opportunitajiet fejn wieħed jista’ jitgħallem xi ħaġa ġdida bħal pereżempju, jitgħallem xi lingwa ġdida, jew xi ħiliet ġodda. Jista’ wkoll jitgħallem idoqq strument mużikali. F’Malta, jsiru ħafna korsijiet ta’ tagħlim tul il-ħajja li jkopru bosta ħiliet. Żur https://lifelonglearning.gov.mt/public/frmCurrentCourses.aspx għal-lista ta’ korsijiet offruti. Hemm anke l-Universita’ tat-Terza Eta’. Żur https://www.um.edu.mt/u3a/applicationform għal iktar tagħrif.
  6. Il-passatempi: L-irtirar jipprovdi l-opportunità biex ftit mill-ħin ikun jista’ jiġi ddedikat għall-passatempi u l-interessi li wieħed dejjem kellu imma ma kellux biżżejjed ħin għalihom. Hemm min ikun anke interessat fis-safar. Dawn l-attivitajiet jaf iservu biex jgħinuna nħossuna aħjar dwarna nfusna, filwaqt li joħolqu ċ-ċans biex nissoċċjaliżżaw ma’ nies ta’ interessi simili.
  7. Ix-xogħol: Li wieħed jieqaf jaħdem f’daqqa waħda jaf ikun pass kemxejn kbir speċjalment jekk ix-xogħol kien meqjus bħala s-sors prinċipali ta’ motivazzjoni, u kien jagħti sens ta’ skop u identità lill-individwu. Jekk min jimpjega jikkunsidra li wieħed jista’ ikompli jaħdem għal inqas sigħat jew part-time; il-persuna tkun tista’ tirtira bil-mod filwaqt li tibda tiddedika l-ħin għall-passatempi antiki u għat-tfittxija ta’ attivitajiet ġodda. Eventwalment dawn l-attivitajiet iservu biex jipprovdu s-sodisfazzjon li kien jipprovdi x-xogħol.
  8. L-eżerċizzju: L-irtirar jagħti lok biex wieħed iżomm ruħu attiv u jiddedika ħin għall-eżerċizzju fiżiku. Eżerċizzju fiżiku regolari jippromwovi rqad aħjar, itejjeb l-awtostima (is-self-esteem), u jservi wkoll bħala attività sinifikanti. Dan jista’ jinvolvi li wieħed jmur l-gym, jieħu sehem f’attivitajiet sportivi, li jmur għal mixja twila u anke li wieħed jagħmel xi xogħol marbut mal-ġdien. Dan kollu jiddependi mill-preferenza tal-individwu.
  9. Inżommu l-moħħ attiv: Huwa tajjeb li wieħed jieħu sehem f’attivitajiet li jħaddmu l-moħħ bħal pereżempju, il-ħidma ta’ xi tisliba, il-qari ta’ kotba, u t-tibdil tar-rutina fejn jidħlu l-attivitajiet ta’ kuljum, eċċ. Dan mhux biss jgħin biex inaqqsu ċ-ċans li wieħed jiżviluppa l-kundizzjoni tal-Alzheimer’s, imma jgħin wkoll biex wieħed jibqa’ attiv.
  10. Tfittex l-għajnuna: F’ċertu każijiet, individwu jaf ikun qiegħed isibha diffiċli jaddatta għall-istil ta’ ħajja ġdid, u minkejja li jkun qiegħed jipprova ħafna affarijiet din il-bidla tkun qed taffettwah emozzjonalment. F’dawn il-każijiet jaf ikun utli li wieħed ifittex l-għajnuna professjonali, bħal pereżempju, counsellor. l-irwol tal-counsellor ikun li jissapportja l-persuna waqt li din tkun qed tipprova ssib dak li jista’ jagħmel l-ħajja sinifikanti u sodisfaċenti.

Agħti ftit ċans

Ikun xi jkun l-istil ta’ ħajja li wieħed jagħżel, huwa importanti li kull għan u aspettativa tkun realistika. Li wieħed jippjana ħafna affarijiet ġodda f’daqqa jaf iwassal biex wieħed isibha diffiċli biex jatwalizzahom. Li taddatta għal ħajja tal-irtirar mhijiex xi ħaġa sempliċi. Għalekk jaf jieħu daqsxejn żmien sakemm wieħed jissetilja f’din il-fażi ġdida tal-ħajja. Importanti li wieħed ikun paċenzjuż u jibdel l-affarijiet bil-mod.

Peress li huwa probabbli li l-maġġoranza tan-nies li jirtiraw ser jqattgħu numru ta’ snin f’din l-aħħar fażi tal-ħajja (minħabba li l-bnedmin qegħdin jgħixu iktar), minflok inħarsu lejn l-irtirar bħala l-aħħar stadju, ikun utli li nħarsu lejh bħala ċans għal bidu ġdid. Opportunità biex isiru tibdiliet f’kif wieħed iqatta’ il-ġurnata, u biex jsiru iktar affarijiet li jġibu sodisfazzjon u tifsira ġdida għall-ħajja.