Storja dwar l-għarfien emotiv tagħna

Meta kelli sitt snin, xi disgħa snin ilu, xi persuni importanti u intelliġenti, qalu lill-ġenituri tiegħi li jien kelli dak li jsejħu “Asperger Syndrome”. Il-ġenituri tiegħi kienu ilhom jaħsbu li jien kont differenti minn tfal oħra. Bdejt billi ma kontx nieħu pjaċir inhares lejn l-uċuh tan-nies, speċjalment f’għajnejhom. Ridt li kollox ikun l-istess il-ħin kollu. Ridt nilgħab l-istess logħob kuljum u kull darba. Jekk xi ħadd kien ipoġġili l-logħob tiegħi, il-karrozzi tiegħi b’mod differenti, għalkemm fl-istess post fejn ikunu, kont nibda niġġennen. Kont ukoll sensittiv ħafna għal ċertu ħsejjes, u kif xi affarijiet kienu jinħassu meta tmisshom. Eżempju: kont naħseb li l-qampiena tad-dar kienet tgħajjat wisq. Kont ukoll niddejjaq ħafna bil-labils, kienu jqabbduni l-ħakk mill-ewwel.
Filfatt, “Asperger Syndrome” hija disordni fejn persuna jkollha diffikultajiet meta tiġi biex tagħmilha man-nies; tkun sensittiva ħafna għal ċertu ħsejjes u kuluri, u tessuti; u turi li tkun limitata fil-mod kif iġġib ruħha, tagħmel dejjem l-istess affarijiet, dejjem l-istess interessi, l-istess mod kif taġixxi. Bħali!
Ħaġa li jien u nies bħali nsibuha diffiċli ħafna hija li nifhmu lilkom meta suppost nkunu qed nitkellmu magħkom. Nifhmu l-lingwa, imma nieħdu kollox b’sens litterali! Allura, toqogħdux taħlu ħin fiċ-ċajt, jew tkunux sarkastiċi magħna – għax ma taslu mkien. Nitfixxklu ħafna wkoll meta turu l-emozzjonijiet tagħkom magħna. Tant hemm emozzjonijiet, u tant hemm modi kif turu dak li tkunu qed tħossu….Ħa nfisser ruħi aħjar; kif inkun naf meta wieħed ikollu d-dmugħ, jibda jibki, jekk hux bil-ferħ jew għax qalbu sewda? Kif xi wħud isiru ħomor meta jkunu rrabjati u oħrajn isiru ħomor meta jkunu qed jistħu? Għaliex xi nies jaqbżu bil-ferħ u oħrajn jaqbżu meta jieħdu xi qatgħa kbira? U ma ninsewx it-tbissima! Hemm tbissima xotta, oħra sarkastika, tbissima meta tidħaq, oħra bil-ferħ; tbissima li tkun qed tgħaddik biż-żmien u oħra li ma tkunx sinċiera. Kif inkun naf id-differenza bejniethom? Għaliex ma nkunx naf xi tkun trid tgħid b’dawn l-emozzjonijiet, ma jfissirx li jien ma jimpurtanix jew li ma jinteressanix inkun naf xi trid tgħid. Tfisser biss li jien ma nkunx qed nifhem. Għalhekk, jekk jogħġbok, ħu paċenzja bija u fissirli kif tkun qed tħossok. Imbagħad għinni niftakar kif in-nies is-soltu juru xi jkunu qed iħossu.
Din għalik forsi tidher xi ħaġa żgħira jew mhux importanti, imma għalija tfisser ħafna. Xi wħud ma jiħdux pjaċir li jħossu li jien ma nkunx qed nifhimhom jew li minhix nagħti kashom. Għalija u għal min hu bħali li nsibuha diffiċli ħafna nuru x’qed inħossu u li nifhmu x’qed iħoss ħaddiehor, huwa diffiċli ħafna biex insiru parti mill-grupp u li nkunu nafu kif inġibu ruħna meta nkunu man-nies.
AĦSEB FTIT :
Immaġina li qiegħed f’eżami u meta ddawwar il-karta tinduna li m’għandekx ideja x’hemm fiha. Ma tistax taqraha għax ma tifhimx il-lingwa li hemm fiha. Iddur fuq sħabek u tipprova turihom b’wiċċek li ma tista’ tifhem xejn, li dak li hemm fil-karta qatt ma għamiltuh fil-klassi, imma tara lil sħabek kollha rashom mgħaddsa fil-karta; min jikteb, min jaħseb u min jaqra b’attenzjoni kbira. Kif taħseb li tħossok dak il-ħin?Differenti, stupidu, iżolat, forsi wkoll jgħatik xi attakk ta’ paniku.
Nies li jkollhom “Asperges Syndrome” iħossuhom li kull sitwazzjoni fejn hemm in-nies huwa bħal test diffiċli. In-nies ta’ madwarhom iħossuhom komdi jkunu sarkastiċi, li jifhmu mill-ewwel, li jibdlu l-espressjoni ta’ wiċċhom il-ħin kollu biex juru dak li jkunu qed iħossu jew biex jagħtu messaġġi lill-oħrajn. Hekk jagħmlu n-nies bejniethom. Għal ħafna minna huwa naturali li jagħmlu hekk, li jifhmu xi jkun qed jiġri u xi jkun qed jingħad bla kliem. Nies li jkollhom l-“Asperges Syndrome” għandhom diffikultà kbira li jkunu man-nies, barra diffikultajiet oħrajn li għandhom. Immaġina kemm hu diffiċli għalihom li jkunu barra ma’ tant nies li l-ħin kollu jikkomunikaw bejniethom…
Darb’oħra li tinduna li jkun hemm xi ħadd li ma jkun qed jifhem xejn x’qed jiġri, u li jħossu ħuta barra mill-ilma – anki jekk ma jkollu l-ebda diżordni li inti taf biha – ħu l-ħin biex tispjega lil dak li jkun x’ikun qed jingħad fil-konverżazzjoni, xi jkunu qed jaħsbu n-nies (dejjem jekk ikunu qed jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom) u spjega wkoll xi jkunu qed iħossu. Imbagħad għin lil dak li jkun biex ikun parti mill-grupp.

Migjub lilkom b’kollabrazzjoni ma’  Gestalt Psychotherapists:

1. Geraldine Borg, ger_b_202@yahoo.com / 7932 4008

2. Nadine Castillo, nadinecastillo13@gmail.com / 9945 2436  

3. Karen Schranz. karenschranz@yahoo.com / 9942 8395