X’inhu Diskors ta’ Mibgħeda jew ‘Hate Speech’?

‘Hate Speech’ jinkludi kull diskors li jista’ b’xi mod jew ieħor jattakka, jhedded jew jinsulta indvidwu jew grupp ta’ individwi fuq bażi ta’ nazzjonalità, etniċità, kulur, reliġjon, sess, orjentazzjoni sesswali, jew diżabbiltà. Dan imur lil hinn minn dawk is-sitwazzjonijiet fejn wieħed jistqarr li ma jaqbilx ma’ persuna jew jaqbad maghħa. Madankollu, ir-riżultat ta’ dan jaf ibiddel kif gruppi ta’ nies jitqiesu jew jiġu ttrattati.

Eżempji ta’ ‘Hate Speech’ jinkludu:

  • Ċajt moralment skorret lejn kwalinkwe grupp li qiegħed f’minoranza.
  • Karikaturi diskriminatorji.
  • Stqarrijiet arragonti li jixhdu superjorità.
  • Insulti lejn gruppi.
  • Azzjonijiet li jintimdaw gruppi minuri.

Fejn iseħħ ‘Hate Speech’?
‘Hate Speech’ m’għandux limiti fejn jista’ jseħħ: kemm barra fit-triq, fl-iskejjel, id-dar, fuq il-post tax-xogħol jew fi kwalinkwe post fejn in-nies jiltaqgħu. Bl-użu tat-teknologija, ‘Hate Speech’ jista’ wkoll jinfirex mill-medja soċjali, minn vidjows ta’ kanzunetti, mir-radju, mit-televiżjoni jew saħansitra anki minn fuq blogs fuq l-internet.

Kemm hu relevanti dan is-suġġett?
‘Hate Speech’ jista’ jinfirex minn kull individwu. Dawn jinkludu: familjari, ħbieb u ġirien. F’ħafna mill-każijiet, dat-tip ta’ diskors, anki meta mitqal bla ebda intenzjoni ħażina, jirrifletti l-atitudni tal-maġġoranza f’dik il-komunità. Madanakollu, issib oħrajn fejn intenzjonalment jinstigaw il-mibegħda.

Fiż-żewg każijiet id-diskors ta’ mibgħeda mhux talli jweġġa’ lil dak li jkun imma anki jġiegħel lill-vittma jħossu jew tħossha eskluża jew li ma jappartjenix/tappartjenix mis-soċjetà, minkejja li kulħadd għandu l-istess drittijiet. Għal kull persuna li ma tiġix affettwata minn ‘Hate Speech’, dan jista’ jidher li ma jagħmel l-ebda ħsara jew jista’ saħansitra jiġi kklassifikat bħala ċajt. Tajjeb li nżommu f’moħħna li dan jaf jikkawza lin-nies affettwati biex iħossuhom anzjużi jew imweġġa’. F’każijiet aktar serji, ‘Hate Speech’ iwassal anki għal atti kriminali (‘hate crimes’) fejn il-vittma tgħaddi minn trawmi li jinkludu attakki fiżiċi, ħsara lil xi propjeta’, bullying, ‘harassment’, qtil u anki tibdil f’liġijiet jew politiki li b’xi mod jaf jeskludu lill-vittmi.

Kif nistgħu neliminaw ‘Hate Speech’?
M’hemmx rimedju sempliċi jew faċli biex jitwaqqaf ‘Hate Speech’ għax dan hu fenominu li jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra. L-ewwel u qabel kollox għandna nkunu konxji u naċċettaw id-differenzi ta’ bejnietna filwaqt li nilqgħu b’idejna miftuħa it-tibdil soċjali.  L-edukazzjoni tibqa’ l-aktar mod effettiv biex inwaqqfu kull mibegħda lejn gruppi partikolari ta’ nies.

  • Azzjoni – Il-Gvern, għaqdiet non-governattivi, skejjel u ċ-ċentri taż-żgħażagħ għandhom ikomplu jaħdmu fuq programmi li jgħinu lis-soċjeta’ jkunu aktar konxji tal-gruppi fil-minoranza. Dawn jistgħu jinkludu attivitajiet bħal dibattiti pubbliċi fejn negħlbu biżgħat żejda dwar id-differenzi ta’ bejnietna.
  • Unità –  Malta għandha tkompli tissieħeb ma’ pajjiżi oħra madwar id-dinja f’kampanji kontra d-diskors li jqanqal mibgħeda.
  • ‘Empowerment’ – Gruppi minuri għandhom jibqgħu jinagħtaw kull sapport meħtieg biex jintegraw fil-komunità.
  • Informazzjoni – ‘Workshops’ u attivatijiet oħra għandhom jibqgħu jiġu organizzati biex inqajmu aktar kuxjenza fuq ‘Hate Speech’.
  • Edukazzjoni – Il-medja tista’ ukoll tgħin billi tippromovi kultura li taċċetta u li tifhem aktar id-differenzi f’kull grupp minuri.
  • Rispett – Skejjel/għalliema għandhom ikomplu jħeġġu l-istudenti biex ma jferrxux ‘Hate Speech’ bl-ebda mod.
  • Assertività – Meta nisimgħu lil xi hadd jinsulta lill-ħaddieħor fuq bażi ta’ reliġjon, sess, eċċ. għandna nwaqqfuh/ha. Dan jgħin biex inkomplu nuru li ‘Hate Speech’ ma hu ta’ ġid għal ħadd.
  • Opportunità – Inkomplu nagħtu opportunitajiet lill-gruppi minuri biex isemmgħu leħinhom f’kampanji li jħeġġu kull bidla neċessarja fil-liġijiet jew ‘policies’.

Ħidma kontinwa u promozzjoni għal aktar tolleranza lejn id-differenzi ta’ bejnietna hi indispensabbli. Permezz ta’ dan inkunu qegħdin naħdmu għall-soċjetà fejn kulħadd ihossu parti minn komunità waħda u magħquda. Dan jista’ jseħħ biss jekk naħdmu lkoll id f’id.