Bl-avvanzament tat-teknoloġija, il-logħob ukoll sar ħafna iktar avvanzat – kull ma’ trid tagħmel hu li tħares lejn ir-realta’ virtwali! Il-logħob żviluppa b’mod tremend, fejn kważi kważi tħoss li dak li qed tilgħab u tara’ fil-logħba qed jseħħ fil-verita’. Dan ovjament iżżid il-gost tal-logħba.

Pero, bħal ma hu f’kollox, meta nużaw xi ħaġa wisq, din tista’ twassal għal xi problemi… inkluż meta nilgħabu wisq.

Li tilgħab (l-imsejjaħ “Gaming”) mhuhiex ikkunsidrat bħala addiction jew disordni, pero, il-gaming problematiku għandu ħafna affarijiet in kommuni mal-addiction jew użu problematiku t’affarijiet bħal alkoħol, droga, u anke gambling.  U bħal kull addiction jew użu problematiku ieħor, wieħed jista’ jinnota xi sinjali li din qed issir problema. Dawn is-sinjali jinkludu:

  1. Nuqqas ta’ pattern t’irqad – Per eżempju, jekk qed tilgħab il-lejl kollu, u b’hekk tispiċċa torqod filgħodu.
  2. Titlef ix-xogħol, jew tispiċċa ma tmurx skola – jekk qed titlef f’sens ta’ xogħol, ħruġ, jew edukazzjoni, biex minflok toqgħod tilgħab, dan jista’ jindika li hemm problema.
  3. Żieda – Tħoss li għandek bżonn tilgħab għal iktar tul ta’ żmien biex tieħu gost. B’hekk tispiċċa tilgħab iktar minn ħames sigħat kuljum.
  4. Withdrawals (sintomi ta’ nuqqas) – Tħossok urtat jew anzjuz meta tkun il-bogħod mil-logħba. Tista’ taġġixxi b’mod aggressiv jew tħoss dwejjaq kbar.
  5. Cravings/Xewqa – Meta ma tkunx qed tilgħab, tħoss ix-xewqa li tilgħab jew tara x’qed jiġri fil-logħba. .

Jekk tħoss li għandek xi ftit minn dawn is-sintomi (jew kollha!) hemm bosta affarijiet li tista’ tagħmel. L-ewwel nett, tista’ tipprova tikkontrolla l-ammont li tilgħab, u minflok tagħmel sfortz biex toħroġ mal-ħbieb jew familja. Jekk ma jirnexxielekx, jew tħoss il-bżonn għal iktar sapport, tista’ tagħmel kuntatt ma’ professjonist, bħal counsellor jew psikoterapista. Apparti minn dan, il-grupp IRL – In Real Life għandu program dedikat biex jgħin liż-żagħzagħ biex jikkontrollaw kemm jilgħabu, u b’hekk tara kif jista’ jkollok bilanċ iktar siewi bejn il-logħob u l-ħajja in ġenerali.