Inħossni maqbuda, bla emozzjoni u nara d-dinja qed titfarrak madwari. Għal din ir-raġuni, qed nipprova nieħu nifs kbir ’il ġewwa u ieħor ’il barra, wara li kelli ġurnata wisq stressanti, jew ma kinitx daqstant stressanti wara kollox? Qed naħseb bejni u bejn ruħi fuq kif kienet il- ġurnata… però ma kinitx daqshekk ħażina, allura qed naħseb li possibilment qed nippretendi li l-ġenn tad-dinja ta’ madwari qiegħed jaffetwani u kull ġurnata li ngħix! Ok! Ħa nerġa nipprova nieħu nifs b’aktar kalma mingħajr ebda ħsieb żejjed fuq kull ħaġa li teżisti,
irrelevanti jekk għadux tifsira għaliha personali jew le. Bilqiegħda għaliha nnifsi, nirrealizza li veru għandi bżonn nieħu nifs sew u nħalli l-ossiġnu jimla l-pulmuni, jasal sa moħħi sakemm nerġa’ nerħi dak in-nifs li nkun ħadt biex nagħmel spazju għal iktar ossiġnu. Iktar ma nagħti lili nnifsi dan iċ-ċans, aktar ninduna kemm b’mod
olistiku ġismi, moħħi u ruħi għandhom bżonn dan il-privileġġ. Hemm bżonn ta’ aktar imħabba, jew attenzjoni lejja nnifsi u dan nikkonfermah hekk kif inħares lejn dufrejja u narahom kollha mikulin, hekk kif inħares lejn il-mera u nara għejja żejda f’għajnejja u nilmaħ ġisem mitruħ. Inkompli nikkonferma dan bl-uġigħ ta’ ras idamdam. Għaddejja minn ħafna, mhux ta’ b’xejn inħossni mtaqqla. Jeħtieġli nieħu ħsieb tiegħi nnifsi aktar għax inħossni
litteralment miżerabbli. Insejt lili nnifsi jien u nintrikeb għalkollox minn stil ta’ ħajja mgħaġġla u misjuqa minn sfidi kontinwi.

Hijiex din xi ħaġa komuni?
Din hija sitwazzjoni fejn spiss insibu ruħna fiha. Għandna ħabta nsibu ħin għalkollox, imma ninsew kemm u kif l-individwalità tagħna ssaħħaħ il-personalità tagħna u kif ngħixu kuljum. L-attenzjoni li għandna bżonn nagħtu lilna nfusna huwa rigal essenzjali u għandna nagħmlu dan bl-ebda sens ta’ rimors imma bi gratitudni. Aħna min aħna jiddependi fuq il-mod ta’ kif nittrattaw lilna nfusna!

Wasal iż-żmien li tara fiex inti – il-kelma maġika hija Self-Care!
Li tieħu ħsieb tiegħek innifsek ma jfissirx biss li tiżbogħ difrejk bl-iktar kulur jgħajjat jew li tagħmel xagħrek skond l-aħħar moda, imma li tieħu ħsieb lilek innifsek mentalment u fiżikament fl-istess waqt. U li rrid infisser meta ngħid tieħu ħsieb tiegħek innifsek u li tagħmel dak li jissodisfak għall-benesseri tiegħek b’mod ġenerali. Li tieħu ħsieb tiegħek innifsek tista’ tiżvolġi f’ħafna forom bħal:

  • Sensorju – li tagħraf dak li hemm madwarek u li tkun kapaċi tapprezza l-mument
    preżenti li qed tgħix fih
  • Emozzjonali – li tifhem aktar dak li jkun għaddej minn moħħok u kif tkun qed tħossok
  • Spiritwali – li tagħraf dak li jagħmel sens għalik u li hu ta’ importanza għalik innifsek –
    tagħraf x’inhuma l-valuri tiegħek u twemmin prattiku
  • Fiżiku – li żżomm ruħek attiv b’mod fiżiku u li tingaġġa f’ritwali u rutini ta’ prattika li
    jgħinuk tħossok tajjeb
  • Soċjali – li tikkonnettja ma’ ta’ madwarek b’mod sħiħ

Dawn huma kollha aspetti importanti u għandna ninkludu dawn il-prattiċi fil-ġurnata tagħna irrispettivament jekk għandniex biżżejjed ħin jew le. Jerġa’, din m’għandhiex tkun ta’ darba, imma għandha issir vizzju b’mod neċessarju u essenzjali. Jien u nikteb dan, infatti ftakart fil- modi ta’ kif jien nieħu ħsieb tiegħi nnifsi u lesta naqsam dan miegħek.

L-idea tiegħi ta’ Self-Care
Inħobb immur sal-baħar u napprezza n-natura ta’ madwari, ir-riħa tal-baħar u r-riħa tiegħu, ir-ramel taħt sieqi, nara x-xemx tiela’ u nieżla, niltaqa’ ma’ sħabi, li nkun waħdi kompletament mitlufa fi ħsibijieti, inmur għal mixjiet twal, nilgħab mal-annimali, nisma’ l- mużika, ngħin lill-oħrajn b’mod volontarju… il-lista hija infinita. Dan jurini li ħajti tmur lil hinn mix-xogħol u mill-istudju biss u mhux dejjem nintebaħ b’dan. Xi kultant ikun tajjeb li nfakkru lilna nfusna li l-ħajja mhijiex biss dik ir-rutina li ta’ spiss nesperjenzaw! Issa nistieden li anki inti taħseb fuq l-idea tiegħek ta’ dak li jgħodd għalik.

Ta’ Benefiċċju

Benefiċċju ta’ dan huwa li tagħti lilek innifsek dik l-enerġija biex tagħraf ir-raġuni tal-ħajja u biex jinħoloq bilanċ. Dan hu tentattiv ta’ kif wieħed jista’ jagħti iktar attenzjoni lilu nnifsu, tagħraf il- bżonnijiet tiegħek u tagħti lilek innifsek dawk l- affarijiet żgħar li jagħtuk kuntentizza. Li tieħu ħsieb tiegħek innifsek hu li tagħmel aktar minn dak li jagħmlek aktar kuntent, ferħan, seren u sodifsfatt wara kollox. Imma għax ħafna drabi, ninsew dan kollu minħabba l-iskola u x-xogħol u bżonnijiet oħra, għandna bżonn nallokaw dak li jgħinna biex inkunu aħjar fil-ġurnata tagħna sakemm jiġu parti minn ħajjitna. Wara li jirnexxilek tolħoq dan l-istadju, bħala individwu tkun tista’ tapprezza u tieħu gost tipprattika dawn l-affarijiet u xejn ma jibqa’ jidher diffiċli. Wara kollox, huwa mezz ta’ kif inti tista’ tikkonnettja miegħek innifsek u mad-dinja ta’ madwarek hekk kif tgħix kull ġurnata.

X’inhu l-pjan?                                                                                                                                                                                                                                                 Aħseb f’dak li jagħmlek kuntent u x’inhi id-definizzjoni tiegħek ta’ kif għandek tieħu ħsieb tiegħek innifsek, sewwa jekk hux b’kitba bir-riflessjonijiet tiegħek, bit-talb, billi timmedita, li tintelaq fuq is-sodda inti u tisma’ l-mużika favorita tiegħek, tkanta, tmur għat-terapija, tiġri, jew li tingħaqad ma’ xi grupp għal support… Aħseb sew u agħraf li dan hu dak li veru trid u dak li għandek bżonn f’dan iż-żmien speċifiku f’ħajtek. Aħseb sew, ieqaf minn dak li qed tagħmel u ppjana skont il-bżonnijiet tiegħek personali. Il-motivazzjoni li taqra dan l-artiklu huwa wkoll l-ewwel pass għaliex għandek tagħmel dan u ppjana dik il-lista.