Jien għandi sittax-il sena u l-ġenituri tiegħi isseparaw is-sena li għaddiet. Kienet iebsa għalija li naċċetta d-deċiżjoni tagħhom u kont ixxukkjat meta qaluli. Meta wieħed minnhom telaq mid-dar, kont iktar u iktar imdejjaq. Madankollu, qiegħed nitgħallem naċċetta s-sitwazzjoni kif inhi.

Għall-ewwel, ħassejt sens ta’ ħtija u ħsibt li dak li ġara kien tort tiegħi. Jien m’inix tifel perfett. Nista’ mmur aħjar l-iskola, u ġieli ninjora dak li jgħiduli l-ġenituri tiegħi. Ġieli nargumenta magħhom u mhux dejjem inkun onest magħhom. Bħal kulħadd, jien nagħmel l-iżbalji. Dan kollu kien toqol għalija li ġiegħelni naħseb li jien mostru.

Ħassejtni mbeżża’ bil-bidliet li s-separazzjoni kienet ser iġġib magħha. Kif se tkun il-ħajja bin-nuqqas ta’ ġenitur? Fejn se ngħix? Se jkolli noqgħod niċċaqlaq minn dar għal oħra ħafna drabi fil-ġimgħa? Il-ġenituri se jkollhom ħin għalija? Kif se tinbidel is-sitwazzjoni tal-flus? Jekk ikollhom, kif se jkunu l-partners il-ġodda tal-ġenituri tiegħi?

Ħassejt dan kollu tqil ħafna għax ħassejt li ma stajt nitkellem ma’ ħadd dwar kif kont qed inħossni. Għalhekk, ħassejtni waħdi u diżappuntat.

Biż-żmien, rabbejt il-kuraġġ u tgħallimt nitkellem dwar kif kont inħossni. Minkejja li dan kien diffiċli, rajt li kien tajjeb li naqsam dak li kien qiegħed iħassibni. Sibt li kien hemm diversi postijiet siguri biex nitkellem dwar affarjiet daqshekk sensittivi u sibt li stajt nitkellem ma’ xi għalliem li nafda, counsellor tal-iskola, psikoterapista, psikologu, Kellimni.com u anki mal-ġenituri tiegħi stess.

Li nitkellem m’oħrajn għallimni li r-relazzjonijiet mhumiex dejjem faċli u li hemm diversi affarjiet li jistgħu jwasslu għas-suċċess jew falliment ta’ relazzjoni. Aċċettajt li s-separazzjoni tal-ġenituri tiegħi kienet deċiżjoni tagħhom u li ma kienx tort tiegħi li nfirdu. Il-counsellor tal-iskola ħeġġitni nitgħallem nesprimi ruħi b’mod pożittiv. Ippruvajt diversi passatempi u skoprejt li d-daqq tal-kitarra kien l-iktar metodu effettiv għalija.

separation