Spiss ħafna matul ħajjitna, inkunu kapaċi nipproċessaw u niżviluppaw ħiliet soċjali li jgħinuna ngħixu kuntenti u b’mod san.  Xi kultant l-esperjenzi u l-imġieba tagħna stess ifixkluna milli nkunu kuntenti u trankwilli. Dan iwassal biex nibdew inħossuna imtaqqla mentalment.

F’xi waqtiet, dawn il-mumenti ta’ dwejjaq ikunu f’livell li nistgħu nikkontrollaw u nkunu kapaċi nerġgħu lura għal li konna u nħossuna kuntenti mill-ġdid, imma jista’ jkollna mumenti oħra fejn dan isir diffiċli li nagħmluh weħidna.

F’esperjenzi bħal dawn, terapija professjonali tista’ tkun ta’ għajnuna. L-għan ta’ din it-terapija huwa li ttejjeb l-istat mentali waqt dawn il-mumenti diffiċli tal-ħajja.

Ħafna drabi, it-terapija taħdem id f’id mal-mediċina u b’hekk ikun hemm iktar ċans li wieħed jara riżultati aħjar milli kieku wieħed jirrikori biss għal mod wieħed ta’ għajnuna. Dawn it-trattamenti; sew jekk mediċina, sew jekk terapija jew it-tnejn flimkien, ikunu ta’ benefiċju għal persuni li jkunu għaddejin minn diffikultajiet ta’ saħħa mentali.

Li persuna tiltaqa ma’ professjonist ma sservix biss biex din tipproċessa u tifhem dak li tkun qed tħoss imma anki tirrifletti fuq għażliet ta’ x’tista’ tagħmel dwar l-esperjenza li tkun għaddejja minnha.

It-terapija hija iktar milli sempliċiment titkellem dwar il-problemi tiegħek. It-terapija tista’ tgħallmek modi ġodda kif taħseb dwar is-sitwazzjoni li tkun qed iddejqek u tfendi ma’ emozzjonijiet u sitwazzjonijiet bħal; rabja anzjeta, mistħija, stima lejk innifsek u dipressjoni. Raġunijiet għalfejn wieħed ifittex terapija jistgħu ikunu wkoll problemi f’relazzjoni, sitwazzjonijiet relatati ma’ sesswalita’, għejja, dinamiċi fil-familja, biżgħat, telfa ta’ persuna mportanti u għażliet li jkollna nagħmlu fost ħafna oħrajn.

Hemm ħafna professjonisti li tħargu b’mod speċjalizzat u ħadmu f’diversi oqsma bħal dak ta’ tfal, adoloxxenti u familji. Dawn il-persuni jistgħu jgħinuk fil-bżonnijiet tiegħek u skond il-ħin u l-pass li tixtieq.  It-terapija tista’ tinkludi wkoll l-parteċipazzjoni tal-genituri jew dawk li jieħdu ħsieb it-tfal.

It-terapija tipprovdi ambjent sikur fejn inti taħdem dwar il-ħsibijiet, l-emozzjonijiet tiegħek u dak kollu li tħoss.  Jekk inti għadek student tista’ wkoll tirrikori għas-servizz ipprovdut minn guidance teachers jew counsellors fl-iskola tiegħek għal iktar sapport.

Xi persuni jistgħu iħossuhom jistħu jitkellmu dwar dak li jkunu għaddejjin minnu u oħrajn forsi jaħsbu li t-terapija hija għal min hu ‘miġnun’, madankollu dan mhux minnu. Tħallix il-mistħija u l-biża’ jwaqqfuk milli tirċievi l-għajnuna li għandek bżonn u li ħaqqek. Li tkun f’saħtek mentalment huwa parti mill-benessri u s-saħħa tiegħek inġenerali.

Jekk għadek inċert dwar it-terapija tiddejjaqx tikkonsulta’ u tirriċerka dwarha jew tistaqsi lit-tabib tiegħek għal iktar informazzjoni.

Hemm diversi tipi ta’ terapija ibbażati fuq idejat varji dwar kif jaħdem il-moħħ. Minbarra sezzjonijiet bejn it-terapista u peruna waħda, jistgħu isiru wkoll sezzjonijiet ta’ terapija ma’ familji, gruppi u anki koppji.