Nagħmlu użu mit-teknoloġija mingħajr ebda periklu

Illum  kullħadd juża l-kompjuters u l-mobiles, kważi kullħadd għandu kompjuter id-dar, u xi wħud anki fil-kamra. Aħna l-adolexxenti ngħaddu ħafna żmien fuq il-kompjuter, nisserfjaw l-internet, nagħmlu l-blogs fuq paġni ta` networks jew niċċettjaw. Nibagħtu mijiet ta` Sms`s fuq il-mobiles. Għalkemm dawn jgħinuna biex inżommu kuntatt mal-ħbieb tagħna, jistgħu xi drabi jkunu perikolużi meta l-affarijiet ma jmorrux kif nippjanawhom aħna u nistgħu nitilfu kontroll mis-sitwazzjoni. Jien hekk ġrali, u nixtieq nirrakkontalkom l-istorja tiegħi.
Il-ġenituri tiegħi ħallewni nidħol fil-facebook meta kelli 13 -il sena. Kont veru eċitata għaliex sħabi kollha kienu fil-facebook u kienu jitkellmu fuq hekk il-ħin kollu, u kienu jżidu l-ħbieb, itellgħu ritratti, jilagħbu Farmville u ħafna affarijiet oħra. Jien mill-ewwel bdejt infittex ħafna ħbieb u nżidhom fil-facebook tiegħi, u bdejt nikkompeti ma’ sħabi kemm inżid ħbieb. Tellgħajt ritratti kemm flaħt, ħafna minnhom tiegħi nippoża ma’ sħabi meta konna nkunu flimkien, ħdejn il-bahar, l-iskola, id-dar u kull fejn kont inkun nieħu pjaċir. Barra milli nżid il-ħbieb jien, nies ohra bdew iżiduni mal-lista tal-ħbieb tagħhom. Li ma bdejtx ninduna hu li mal-lista tal-“ħbieb” tiegħi bdejt inżid nies li ma kontx naf. Għalija kien aktar important li nżid in-numru tal-ħbieb tieghi milli noqgħod attenta għal min kienu dawn in-nies. Kont nara l-eta tagħhom, imma daqshekk!
social
Darba kont qed nitkellem mal-ħbieb tiegħi, meta wieħed mill-“ħbieb” li jien kelli fil-lista kiteb “Hi Liza”. Ma kontx naf min kien, kont naf biss li kellu 13 -il sena u veru kellu ritratt sabiħ. Jien ktibtlu lura u bqajna niċċettjaw għal xi nofs siegħa. Veru kxift ħafna informazzjoni fuqi, bħal fejn kont immur ngħum, fejn kont noqgħod, in-numru tal-mobile tiegħi, fejn kont immur nixtri għal ommi, fejn kont immur skola. Ma kontx naf li fil-fatt ma kienx it-tifel ta’ 13 -il sena bħal ma kellu miktub fuq il-profil tiegħu! Beda jibgħat Sms`s, xi 20 wieħed kulljum, u wara ftit żmien l-Sms`s bdew isiru romantiċi wkoll. Kont bdejt nieħu pjaċir għax veru ħsibt li kien veru interessat fija. Wara xi ftit żmien il-messaġġi tiegħu bdew idejquni. Beda jistaqsini mistoqsijiet veru strambi, bħal x’kulur kienu il-ħwejjeġ ta taħt, u jekk kontx nieħu pjacir immiss lili nnifsi? Bdejt veru nibża minnu. Għidt lil sħabi, u qaluli biex ngħid lil ommi. Bżajt ngħid lil ommi għax bżajt li tikkastigani. Ppruvajt ma nagħtix kasu, imma beda jgħidli li kien ser jiġi d-dar jekk ma nirrispondihx. Xi stajt nagħmel? Iddeċidejt li ngħid lil ommi, u hi mill-ewwel ċemplitlu fuq il-mobile. Saret taf li fil-fatt kellu 35 sena. Qaltlu li kienet ser tirrappurtah lill-pulizija, u issa l-affari qiegħdha f’idejn il-pulizija. Fl-aħħar ma baqax jiktibli jew idejjaqni.
AĦSEB FTIT :
  • Inti fil-lista tal-ħbieb tieghek iżżid nies li ma tafx?
  • Iżżid ritratti personali fejn jista’ jarahom kullħadd?
  • Tikteb informazzjoni personali?
  • Taf bil-perikli li hemm f’dawn il-paġni soċjali u networks?
  • Qatt sfurzawk biex tagħti informazzjoni personali kontra x-xewqa tiegħek?
  • Taf li l-informazzjoni personali li inti tpoġġi fuq l-Internet jista’ jaraha kullħadd, mad-dinja kollha?