Story about self-harm (nwegga lili innifsi)

Għandi 16-il sena u spiss nħossni stressjata. Xi kultant nħoss li kollox ma’ kollox, qishu hemm wisq…….il- ġenituri, l-iskola, il- “ħbieb”, memorji tal- passat….U meta ma niflaħx aktar nweġġa lili nnifsi….L-uġigħ fih xi ħaġa pjaċevoli: iġgħielni nħossni aħjar għal ftit…iġgħielni nieqaf naħseb, niftakar…nħossni li għandi l- kontroll…ineħħi ftit mill-pressjoni ta’ ġo fija. Imma l-pjaċir qatt ma jdum…u wara nkun mdejjqa…naf li mhux qed nsolvi l- problemi tiegħi billi nweġġa lili nnifsi imma bħalissa din l-uniku ħaga li nista’ nagħmel.

 

Jiena ma nweġġax lili nnifsi għall-attenzjoni…anzi, ninkwieta li l-oħrajn jiġġudikawni…li jħarsu lejja bħala li inkun inqas minnhom. Dawk ta’ madwari ħadu qatgħa kbira meta saru jafu li jien nweġġa lili nnifsi, imma issa bdew jifhmuni aktar u jafu li jien nagħmel hekk biex neħle mill-uġigħ u mhux għax irrid immut.

 

Xi kultant fuq l-internet naqra dwar li wieħed iweġġa lilu nniffsu. Insib li tgħinni nkun naf li hemm oħrajn li jgħamlu bħali, li minix miġnuna u l- r-raġunijiet għalfejn nweġġa lili nnifsi u dak li nħoss waqt li nweġġa lili nnifsi huma simili għal ta’ oħrajn li jweġġgħu lilhom infushom.

 

M’hemmx xtistħi billi titkellem dwar li tweġġa lilek nnifsek…ġo fija naf li jekk nitkellem ma’ ħaddieħor dwar dan, nista’ nitgħallem modi aħjar kif ngħeleb il-problemi tiegħi…u forsi xi darba nista’ nieqaf inweġġa lili nnifsi.

 

Self-harm – ħsara li wieħed jikkawża fuqu nnisfu

Self-harm huwa terminu użat meta persuna tikkawża ħsara fuqha nnifisha apposta (i.e. mhux b’inċident). Dan isir bħala mod ta’ kif ikampa bil-problemi tiegħu. Jista’ jkun mod ta’ kif wieħed jiżvoga u jesprimi kif qieghed ihossu,  li mhux lakemm tpoġġihom fi kliem, li jaljenaw lil min qed isofri mit-tbatija tal-ħajja. Li wieħed jagħmel ħsara lilu nnifsu jista’ jkun mod ta’ kif wieħed joħroġ fil-beraħ l-uġigħ emozzjonali li jkun qed iġarrab minn ġewwa.

Għalfejn bniedem jasal biex iweġġa’ lilu nnifsu?

  • Bħala solliev minn emozzjonijiet negattivi bħar- rabja, il-frustrazzjoni, id-dwejjaq jew is-solitudni.
  • Biex jippruvaw iħossu xi ħaġa għax ikunu għaddejjin minn fażi fejn ma jħossu xejn, daqslikieku mhux qed jgħixu.
  • Biex jikkastigaw lilhom infushom – ċertu żgħażagħ u adolexxenti li jkunu għaddew minn abbuż jew xi trawma iġorru magħhom l-idea li huma persuni ħżiena li jistħoqqilhom jiġu kkastigati.
  • Ċertu żgħażagħ ikunu tant iddisprati bit-tbatija li jkunu għaddejjin minnha, li ma jkunux jafu fejn għandhom imorru għall-għajnuna. Iħossuhom tant maqbudin u bla saħħa biex jirranġaw is-sitwazzjoni, li jirrikorru għall-ħsara fuqhom nfushom biex iħossu sens ta’ kontroll.
  • Xi żgħażagħ iħossu emozzjonijiet ta’ rabja jew tensjoni li jkunu nġemgħu ġewwa fihom, u li jkollhom bżonn joħorġu b’xi mod. Għalhekk wieħed jista’ jkun li jagħmel ħsara fuqu nnifsu biex joħroġ it-tensjoni ta’ ġo fih.

 

Għajdud foloz (miti) fuq li wieħed iweġġa’ lilu nnifsu

Mit 1: Nies li jweġġgħu lilhom infushom qed jippruvaw jiġbdu l-attenzjoni.

Il-verità kerha hija li nies li jweġġgħu lilhom infushom ġeneralment jagħmlu hekk bil-moħbi. Nies li jweġġgħu lilhom infushom ħafna drabi jagħmlu ħafna sforzi biex jgħattu l-ħsara li jkunu għamlu fuqhom infushom. L-attenzjoni li jġib dan it-tip ta’ aġir hija ġeneralment attenzjoni negattiva u ma tgħinx biex jittaffa l-istress. Fil-fatt ħafna drabi dawk li jikkawżaw ħsara fuqhom infushom, isibuha diffiċli ħafna biex jistaqsu għall-għajnuna minħabba mistħija jew biżgħa .  

 

Mit 2: Nies li jweġġgħu lilhom infushom huma mġienen jew perikolużi

Għal dawk li jfittxu li jghamlu ħsara fuqhom infushom, din tkun aktarx espressjoni esterna ta’ uġigħ intern – dan l-uġigħ ħafna drabi jkollu għeruq fi trawmiet esperjenzati fit-tfulija. Li wieħed jikkawża ħsara fuqu nnifsu tista’ tkun forma ta’ mekkaniżmu li bih wieħed jibqa’ jkampa mal-emozzjonijiet li jkun qed iħoss, emozzjonijiet relatati ma abbuż fil-passat, sentimenti negattivi fuq id-dehra tal-persuna nfisha jew memorju ta xi trawmiet oħra li wieħed ikun ġarrab fil-passat. Li tikkategorizza persuna bħala miġnuna jew perikoluża, ma tagħmilx ġustizzja lill-individwu u wisq anqas ma tkun ta’ għajnuna għal min ikun qed isofri tant minn ġewwa.

 

Mit 3: Min jikkawża ħsara fuqu nnifsu, ikun jixtieq li jmut.

Nies li jweġġgħu lilhom infushom  ħafna drabi ma jkunux jixtiequ li jmutu. Għal ħafna, din it-tip ta’ ħsara hija mod ta’ kif wieħed jibqa’ mqar jeżisti – u mhux li jmut. Il-fatt li wieħed iweġġa’ lilu nnifsu, ma jfissirx li wieħed għandu xi kundizzjoni mentali. Għalkemm hemm relazzjoni bejn li wieħed iweġġa’ lilu nnifsu u l-possibltà ta’ suwiċidju, ħafna iktar nies jagħmlu ħsara fuqhom infushom milli jneħħu ħajjithom b’idejhom. L-individwu li jweġġa’ lilu nnifsu jkun qed jipprova jindirizza l-effetti tal-istress – huwa minn dawn l-effetti li l-individwu  jkun irid jeħles. Però, ċertu nies li jweġġgħu lilhom infushom, jista’ jkun li jkollhom ħsibijiet ta’ suwiċidju jew ma jkunux ċerti jekk iridux jgħixu jew imutu bil-ħsara li jikkawżaw fuqhom infushom. Barra minn hekk, ċertu forom ta’ ħsara fuqek innifsek jista’ jwassal għal mewta inċidentali. Għal xi nies, il-fatt li jweġġgħu lilhom infushom jagħtihom sens ta’ kontroll f’ ħajjithom, u l-uġigħ li jkunu qed iħossu jaf jkun l-uniku ħaga li jħossuhom li jistgħu jikkontrollaw.

Mit 4 : Jekk il-ħsara mhix gravi, m’hemm xejn serju.

Il-grad li bih wieħed iweġġa’ lilu nnifsu m’għandux x’jaqsam wisq mal-ammont ta’ tbatija li jkun għaddej minnha. Tassumix li ladarba l-weġgħat mhumiex kbar, m’hemmx wisq fuq xiex wieħed jinkwieta.

Mit 5: In-nies li jikkawżaw ħsara fuqhom infushom jagħmlu dan biex jiġu aċċettati, jew biex jagħmluha tal-cool.

Min jaħqar lilu nnifsu jagħmel hekk bħala rispons għal tbatija emozzjonali. Li wieħed jasal biex jemmen li min jikkawża ħsara fuqu nnifsu, jagħmel hekk sempliċiment biex jidher cool żgur li sejjer żmerċ. Anke jekk wieħed għamel żmien iweġġa lilu nnifsu biex jagħmel bħal sħabu, jekk dan l-aġir ikompli, dan jindika li hemm problema emozzjonali li għandha tiġi indirizzata.

———————————————————————————————————————-

SelfX’nista’ nagħmel?

Tkellem ma’ xi ħadd

Jekk tista, tkellem ma’ xi ħadd li tista’ tafda: ċempel xi ħabib/a, xi membru tal-familja jew xi ħadd professjonali.

 

Aħseb fuq dak li int tajjeb/tajba fih

Aħseb fil-potenzjal tiegħek, f’dawk l-affarijiet li inti tajjeb jew tajba fihom. Kulħadd għandu xi ħaġa li hu tajjeb fiha u għandu l-potenzjal, avolja xi kultant ma nkunux konxji tiegħu. F’idejk biex tikxef dak li int tajjeb fih:

  • Il-familja fiex tgħid li int tajjeb/tajba?
  • Għalfejn taħseb li ħbiebek iħobbuk?
  • Xi rnexxielek tagħmel jew takkwista s’issa tul ħajtek?

 

Żomm ‘Djarju Emozzjonali’

Li żżomm djarju bl-emozzjonijiet tiegħek jista’ jgħinek b’diversi modi. Id-djarju jista’ jgħinek tara jekk hemmx rabta bejn meta tweġġa’ lilek innifsek, ċertu emozzjonijiet jew ċertu avvenimenti fil-ħajja tiegħek. Id- djarju jista’ jgħinek tara jekk l-emozzjonijiet tiegħek qawwi f’ċertu ħinijiet tal-ġurnata jew li mindu bdejt tikteb id-djarju ’l hawn, il-bżonn li tagħmel ħsara lilek innifsek, qiegħed bil-mod jonqos.

 

Liema huma dawk is-sentimenti li żżommhom ġewwa fil-moħbi, li ġġemmagħhom ġo fik jew li bħal tiblagħhom bit-tama li ma terġax tħosshom?

Il-fatt li wieħed iweġġa’ lilu nnifsu, jista’ jiġi kkunsidrat bħala mod ta’ kif wieħed ikampa ma’ emozzjonijiet bħalm’huma r-rabja, il-frustrazzjoni, id-disperazzjoni jew id-dwejjaq. Kultant dawn is-sentimenti jistgħu jkunu tant qawwijin, li tħosshom qishom iridu jisplodu bħal vulkan, u dan ikun wisq għalik. Għalhekk meta nħossuna hekk, tajjeb li nsibu mezz kif ikollna kontroll fuqhom. Kultant nistgħu naħsbu li jekk nitfgħu dawn l-emozzjonijiet kbar taħt it-tapit, ikollna kontroll fuqhom, imma peress li jkunu mirdumin ġo fina, l-effetti tagħhom jistgħu jittraduċu ruħhom fi bżonn li nweġġgħu lilna nfusna bħala forma ta’ żvog. Tista’ tidentifika dawk is-sentimenti li inti tipprova tordom fik innifsek biex ma taffaċċjahomx akkost ta’ kollox?

Aħseb fil-futur

Xi ħaġa oħra li tista’ tgħinek taħseb jekk intix lest għall-bidla huwa li taħseb kif tkun ħajjtek fil-futur, kemm jekk tibqa’ tweġġa’ lilek innifsek, kif ukoll jekk tibda tkun ġentili miegħek innifsek.

 

Role Play

Tista’ tkun utli li timmaġina x’tagħmel inti kieku kellek tgħin lil ħaddieħor  (eżempju ħabib/a tal-qalb tiegħi, oħti jew ħija eċċ) fis-sitwazzjoni tiegħek… bejnek u bejn ruħek aħseb: ‘Kieku dawn kellhom l-istess problema jew ħsieb, x’kont ngħidilhom fuq l-aġir tagħhom jew fuq il-mod ta’ kif qed jaħsbu?’

 

Uża alternattivi oħra li jgħinuk tiżvoga imma li bihom ma tagħmilx daqshekk ħsara:

  • Agħffeġ silġa f’idejk sakemm iddub
  • Qatta’ karta
  • Ħu xawer kiesaħ
  • Ħażżeż fuqek innifsek b’pinna ħamra jew żebgħa sewda
  • Kul ikel b’togħma qawwija
  • Mur iġri
  • Agħmel xi ħaġa li  vera tieħu gost tagħmilha
  • Ħaddem il-kreattività tiegħek
  • Doqq mużika rilassanti jew xi diska li tiżvoga magħha – iżfen jekk trid
  • Għannaq xi teddy-bear jew xi annimal miegħek
  • Immassaġġja idejk, saqajk jew għonqok

Oqgħod attent/a minn modi ta’ ħsieb jew raġunament żbaljati

Dawn huma tipi ta’ ħsibijiet u raġunamenti li ma jgħinukx biex tgħix ħajja aħjar. Kulħadd jista’ jiżgarra u jibda jaħseb u jirraġuna b’mod żbaljat. Però meta tibda taħseb u tirraġuna b’mod li ma jgħinx, jista’ jkun li tibda tħossok ħażin ħafna.

Hemm ħafna modi ta’ kif wieħed jista’ jkun qed jirraġuna u jaħsibha b’mod żbaljat. Hawnhekk issib ħamsa li huma komuni:

  1. Taħsibha daqslikieku kollox huwa jew abjad jew iswed

Min jaħsibha b’dan il-mod, ħafna drabi jkun jirraġuna li xi ħaġa hija jew kompletament ħażina inkella kompletament tajba; jirraġuna li xi ħaġa jew għandha il-kwalitajiet pożittivi kollha, inkella li m’għandha assolutament xejn tajjeb. Eżempju, xi ħadd li għandu ħabta jikkategorizza l-affarijiet bħala eċċellenti inkella orribbli, suċċess assolut inkella falliment totali. Min jirraġuna b’dan il-mod jinsa li jeżisti l-griż, jiġifieri li hemm affarijiet li minkejja li huma tajbin, għandhom ukoll id-difetti, inkella li minkejja li huma koroh, għandhom is-sabiħ tagħhom.

  1. Tasal għal konklużjonijiet mingħajr bażi

Min jasal għal konklużjonijiet żbaljati ikun jew qed jassumi li jaf jaqra l-imħuħ, inkella li jaf jaqra l-futur. Ngħidu aħna jasal għal konklużjoni li għax xi ħadd ma sellimlux, allura żgur li għax ma jaħmlux jew qed jitkabbar. Min jasal għal konklużjonijiet mingħajr bażi jista’ anke jasal biex ikun konvint li se jeħel mill-eżami għax b’xi mod jista’ jbassar li mhux ħa jiftakar l-affarijiet.  

  1. Kummenti ġeneriċi

Bl-Ingliż ngħidulhom ‘sweeping statements’ u jfissru li tiġbor kollox jew lil kulħadd f’keffa waħda. Min jirraġuna b’dan il-mod, ħafna drabi jitkellem billi juża kliem bħal ‘dejjem’, ‘qatt’, ‘kulħadd’ jew ‘ħadd’. Dawn it-tip ta’ nies jistgħu faċilment jirraġunaw b’dan il-mod: ‘ġibt marka ħażina, mela kulħadd aħjar minni. Jien m’jien tajjeb f’xejn u qatt ma nġib waħda tajba!’

  1. Suppost/Messni/Għandi bżonn

Dawn it-tip ta’ raġunamenti jimponu ġudizzju fuq il-persuna. Min jirraġuna b’dan il-mod ikun qed ikun wisq ħarx u strett miegħu innifsu. Jirraġuna hekk: ‘Suppost mort aħjar’, ‘għandi bżonn inkun aqwa’ “messni kont naf aħjar’. Kultant dawn it-tip ta’ raġunamenti jkunu marbutin ma’ ġeneralizzazzjonijiet bħal: “Jien għandi bżonn inkun dejjem…” “Suppost qatt ma…”

  1. Tagħti t-tort lilek innifsek

Dan jiġri meta tieħu responsabbiltà għal affarijiet li fil-verità m’għandekx tort tagħhom jew li mhumiex fil-kontroll tiegħek. Eżempju: ‘Il-papà telaq minħabba fija’, ‘Kien ħaqqni niġi msawwat, kien it-tort tiegħi’ eċċ.

Tinkwetax jekk ftit minn dawn il-ħsibijiet jew anke kollha huma modi ta’ kif tirraġuna int! Dawn huma raġunamenti żbaljati li kulħadd jista’ jagħmel. Aħseb ftit dwar kif taħseb inti – liema huma l-ħsibijiet żbaljati li għandek ħabta taqa’ fihom? Hemm xi mod ta’ ħsieb li tħaddem iktar minn oħrajn? Jew inkella, tinnota lilek innifsek tgħaqqad żewġ tipi differenti ta’ ħsibijiet żbljati? Meta jkollok l-iktar tendenza li taħseb b’dan il-mod?

Kultant tant niġġudikaw u nikkritikaw lilna nfusna li nibdew naċċettaw dawn il-ħsibijiet żbaljati bħala fatti. Jekk jirnexxilek tisfida lilek innifsek biex ma tibqax taħseb b’dawn il-modi li ma jagħmlulek ġid ta’ xejn, tkun tista’ tieħu kontroll aħjar fuq il-ħsibijiet tiegħek u ma tħallix lilek innifsek tkun vittma tagħhom. Jekk ma tiqfilhomx, il-probabbiltà hija li se tibqa’ tħossok ħażin u eventwalment tibda tħossok agħar.

Kif nista’ ngħin lil xi ħadd li qed iweġġa’ lilu nnifsu?

  • Isma’ lill-persuna. Nies li jagħmlu ħsara lilhom infushom ħafna drabi jkunu qed jixxenqu għal xi ħadd li jismagħhom u jifhimhom. Ħafna jħossuhom aħjar wara li jgħidu lil xi ħadd dwar l-uġigħ tagħhom.
  • Ħu lill-persuna bis-serjetà. Huwa importanti li tieħu lill-persuna bis-serjetà, speċjalment meta din tgħidlek b’xi ħibijiet jew attentati ta’ suwiċidju jew ħsara fuqha nfisha. Tinjorax dawn is-sinjali.
  • Ipprova kemm tista’ biex tassigura lill-persuna li inti tifhem li l-ħsara li qed tikkawża fuqha nfisha huwa l-mod tagħha ta’ kif qed jirnexxilha tkampa bħalissa u li int lest/a biex tgħin. Flimkien pruvaw aslu biex tidentifikaw persuna li tista’ tgħin l-aħjar.  

 

Kura professjonali għal min jikkawża ħsara fuqu nnifsu

Jista’ jkun li għandek bżonn l-għajnuna u l-appoġġ ta’ persuna professjonali biex tieqaf tweġġa lilek innifsek. Għalhekk ta’ min wieħed jikkunsidra jkellem lil xi psikologu, counsellor jew terapista. Professjonist jista’ jgħinek tiżviluppa tattiċi li bihom tkampa aħjar u li tibda tuża strateġiji biex ma tibqax tweġġa’ lilek innifsek waqt li jgħinek tiskopri s-sors li jkun qed jikkawżalek il-bżonn li tweġġa’ lilek innifsek.