Il-problema tal-homelessness f’Malta jaf ma tidhirx kbira daqs kemm hija fir-realta’. Dan għaliex m’aħniex imdorrijin li naraw nies jorqdu barra t-triq jew f’postijiet pubbliċi ohra. Minflok, din il-problema soċjali hija moħbija f’Malta, u għalhekk hija differenti mill-isterjotip li s-soltu nassoċjaw il-homelessness miegħu. Fil-fatt, studju lokali qal li l-homelessness hija l-ikbar sigriet miżmum f’Malta. Madankollu, ma jfissirx li hawn Malta ma jeżistux nies li huma homeless. Numru sostanzjali ta’ individwi u familji jgħixu ġewwa xelters tal-homelessness, u hemm ħafna nies oħrajn li bħalissa huma f’riskju ta’ homelessness. L-ispettru ta’ nies homeless f’Malta huwa mifrux min-nies li jgħixu ġewwa xelters temporanji, għal dawk li jgħixu ma’ qraba u ħbieb għax ma għandhomx post fejn joqgħodu; nies li qed jistennew li joħorġu minn istituzzjonijiet (sptar, ħabs, etċ); kif ukoll dawk li jgħixu ġo bini li huwa prekarju u inadegwat. Għalkemm ħafna jirnexxielhom joħorġu mill-problema tal-homelessness wara ċertu zmien, oħrajn jinqabdu f’ċiklu vizzjuż ta’ homelessness minħabba għadd ta’ problem oħra.

Il-kawżi ta’ homelessness

Hemm numru ta’ fatturi li jistgħu jikkontribwixxu sabiex individwu jispiċċa homeless. Wħud minn dawn huma kkunsidrati bħala fatturi individwali, bħal kunflitt fil-familja, vizzji, problemi ta’ saħħa mentali u inkarċerazzjoni. Kawżi oħrajn ta’ homelessness huma attribwiti ma’ fatturi strutturali, bħal ma huma pagi baxxi, il-qgħad, prezzijiet tal-akkomodazzjoni, d-diskriminazzjoni u l-poverta’. Xi wħud mill-kawżi tal-homelessness huma barra l-kontroll tal-persuna u fil-fatt, studju lokali sab illi dawk li esperjenzaw il-homelessness, ma għamlux dan b’għażla.

L-istatistiċi tal-homelessness f’Malta

Skond in-numru ta’ riferimenti li rċivew il-YMCA, jidher li l-problema soċjali tal-homelessness qegħda tiżdied. Skond l-istatistiċi mill-2018, il-YMCA stqarret li n-numru ta’ riferimenti li huma rċivew fl-2015, kien dak ta’ 264. Fis-sena ta’ wara, ir-riferimenti telgħu għal 355 u wera wkoll li n-nisa’ kienu qed jesperjenzaw homelessness iktar mill-irġiel. Fl-2017, n-numru totali ta’ riferimenti reġa’ żdied għal 366.

Meta jiġbru l-istatistiċi, il-YMCA jikkalkulaw dawn fuq in-numru ta’ ljieli li r-residenti jqattgħu ġewwa x-xelter kull sena. Il-figuri juru li kien hemm żieda sinifikanti fin-numru ta’ ljieli bejn l-2015 u l-2016, u li l-iktar statistika riċenti rrekordjata kienet dik ta’ 8082 lejl fl-2017. Minn dawn l-istatistiċi, jidher li minn medja ta’ 24 riferiment fix-xhar fl-2015, il-YMCA kellha madwar 33 riferiment fix-xhar fis-sena 2017. L-organizzazzjoni li primarjament tgħin lil nies homeless kellha madwar 1014 klijenti individwali ġodda li bbenefikaw mill-faċilita’ residenzjali tagħhom f’dawn l-aħħar 12-il sena. 

Organizzazzjonijiet lokali għal nies homeless

Hemm varjeta’ ta’ servizzi li jgħinu nies li huma homeless f’Malta. Dawn is-servizzi jinkludu drop-in centres, xelters ta’ matul il-lejl u programmi residenzjali. L-utenti tas-servizz jinkludu gruppi varji ta’ individwi fi stat vulnerabbli, inklużi nies homeless, vittmi ta’ vjolenza domestika, u nies bi problemi ta’ saħħa mentali. Wħud minn dawn is-servizzi jinkludu:

  • YMCA
  • Fondazzjoni Dar il-Hena
  • Fondazzjoni Suret il-Bniedem
  • Dar Qalb ta’ Ġesu’ 
  • Richmond Foundation

Referenzi

Mifsud, M. (2009). The unexplored journey to homelessness: The social factors that may contribute to adult homelessness in Malta. (Unpublished Bachelor dissertation). University of Malta, Malta. Retrieved from https://www.um.edu.mt/library/oar/handle/123456789/3064

Vakili- Zad, C. (2006). Counting the homeless in Malta. Journal of Housing and the Built

Environment, 21, 141–157. DOI:10.1007/s10901-006-9039-4

YMCA. (2018). YMCA Valletta Manifesto 2018. Retrieved from http://ymcamalta.org/audit/270b69b9de.pdf