Illum, ir-rwol ta’ ġenitur għandu definizzjoni wiesgħa ħafna.  Ma jirreferix biss għall-ġenituri bijoloġiċi, iżda wkoll għall-istepparents, għall-gwardjani legali u anki għan-nanniet.  Irrispettivament min int, jekk qed trabbi tifel jew tifla, ir-rwol tiegħek huwa li dan/din jikber u jkun l-aħjar raġel jew mara li jista’ jkun.  Dan huwa impenn tabilħaqq responsabbli, u li jitlob paċenzja, mħabba u sens ta’ empatija kbira. Bħal kollox, jiġi bit-tajjeb u bil-ħażin.

Ħafna drabi t-tfal iridu l-ħin kollu mingħand il-ġenituri tagħhom.  F’dinja dejjem iktar mgħaġġla u fejn il-ħin sar lussu, huwa importanti li tiftakar li meta tkun qed trabbi, it-tfal huma prijorità u li għalhekk ma tistax issir ġenitur b’ċikka.  Li tkun ġenitur ifisser li:

  1. Tieħu ħsieb uliedek fiżikament, mentalment u emozzjonalment.
  2. Tipprovdilhom u tara li dejjem għandhom x’jieklu, x’jilbsu u l-bżonnijiet kollha tagħhom
  3. Tipproteġihom u żżommhom safe.
  4. Tħobbhom.  Għalkemm dan jaf jinstema’ ovvju, huwa importanti li t-tfal ikunu jafu li inti tħobbhom bla qies.
  5. Tkun il-punt ta’ riferiment tagħhom.  Se jkollhom il-ħbieb, iżda inti dejjem trid tkun punt fiss f;ħajjithom.  Jekk uliedek jafdaw u jiftħu qalbhom miegħek, inti tkun f’pożizzjoni fejn tista’ ttihom parir tajjeb u tappoġġjahom.  
  6. Inti l-għalliem tagħhom.  It-tfal minnek se jitgħallmu x’inu t-tajjeb u l-ħażin, u se jħarsu lejn u jgħixu skont l-eżempju li ttihom.  Għalhekk, dak li tagħmel quddiemhom, iżda wkoll kif tgħix minn warajhom se jiffurmahom fl-adulti li se jkunu huma ‘l quddiem.
  7. Inti r-role model tagħhom.  Uliedek iħarsu lejk anki meta taħseb li ma jkunux qed jarawk.  Se jimitaw il-komportament tiegħek u għalhekk trid taċċerta li dak li jaraw huwa pożittiv u li se jgħallimhom xi ħaġa.

It-tfal ma jiġux b’manwal.  Bħala ġenitur, għandek kompitu ta’ sfida iżda li jtik ħafna lura int u ssir taghom.  Dan jitlob li int tkun preżenti f’ħajjithom, li tosserva dak li qed jagħmlu u jgħidu, li tismagħhom u li taqsam magħhom ħajtek sabiex huma jħossuhom komdi jaqsmu tagħhom miegħek.  Aħgti widen għall-mistoqsijiet tagħhom u tibżax tgħidilhom li mhux dejjem ikollok risposta. Xi kultant trid tipprova ssibha magħhom.

Ġenitur li jilgħab ma’ wliedu jitgħallem ħafna dwar in-natural, is-saħħiet u d-dgħufijiet tagħhom.  Lit-tfal ħallihom ikunu liberi fihom infushom u oħloqilhom post safe id-dar fejn dejjem iħossuhom komdi jiġu lura wara ġurnata skola jew xogħol.  Fuq kollox, ħalli lit-tfal jesprimu dak li jħossu, hu x’inhu dak li qed iħossu. L-ulied li huma intelliġenti emozzjonalment u li huma konxji tagħhom infushom, jgħixu aħjar mal-oħrajn.

Li tkun ġenitur qatt ma kien u qatt mhu se jkun faċli.  Għall-kuntrarju, il-vjaġġ qatt mhu se jkun wieħed ħafif – fih ħafna tumbati u tidwir u xi kultant jitilfek u tħossok li tlift it-triq it-tajba.  Agħmel kuraġġ u taqtax qalbek. Meta tkun fid-dubju, ħu nifs u ftakar li l-ebda ġenitur mhu perfett. Hemm biss ħafna ġenituri imperfetti li qed jagħmlu l-almu tagħhom.  U dak, verament, huwa biżżejjed.