L-Ansjetà bħal tifel żgħir.  Ma tieqaf qatt tgħid; u tgħidlek li qed tagħmel kollox ħażin u tqajmek fit-3am.

Jaqbdek it-tferfir fl-istonku qabel xi avveniment importanti?  Tinkwieta kif se tlaħħaq fil-ħin? Jaqbduk l-attakki meta tkun sejjer għand it-tabib jew id-dentist?

Jekk iva, inti bħal kulħadd.  L-ansjetà hija normali u aktarx emozzjoni li tajjeb tħossha.  Madankollu, tajjeb li tkun taf li kulħadd f’xi punt jew ieħor ikollu jikkumbatti xi ftit tal-ansjetà.  Ninkwetaw fuq il-finanzi, inħossuna anzjużi qabel xi interview jew meta nkunu rridu niltaqgħu ma’ ħafna nies.  Dawn il-ħsus huma normali u saħansitra ġieli jkollna bżonnhom; jagħtuna spinta ta’ enerġija li tgħinna niffukaw.  Madankollu, l-mod kif nesperjenzawhom ivarja minn persuna għall-oħra u dak li jistressja lili mhux bilfors jistressja lil ħaddieħor.

Madankollu, xi wħud minna għandhom relazzjoni iktar stretta mal-ansjetà tagħhom.  Għal xi wħud, jaf ikun iktar diffiċli li jikkontrollawha u jħossu li hi ta’ piż fuqhom.  Meta persuna regolarment tħoss livelli sproporzjonati ta’ ansjetà, din tista’ ssir problema.  L-iktar indikazzjoni ċara li l-ansjetà tibda ssir problematika hija meta persuna tibda ssib diffikultà tagħmel affarijiet li qabel kienet tagħmilhom faċilment.  Pereżempju, meta xi ħadd jibda jibqa’ d-dar għal tul ta’ żmien għax jibda jibża’ jkun fin-nies, jew għax jiftakar f’xi ħaġa trawmatika li ġratlu. Dak ma jkun “feeling jew esperjenza normali”.  Meta l-ansjetà tibda ttellifna milli niffunzjonaw u żżommna lura, din issir ikbar minn “stress ta’ kuljum”.

Meta l-ansjetà tidħol bejn saħħitna u l-paċi ta’ moħħna, insejħulha anxiety disorder. It-tħassib ta’ dawk bl-ansjetà kronika huwa mmarkat minħabba l-persistenza u l-intensità tiegħu li ta’ spiss ikun kbir wisq għas-sitwazzjoni preżenti.  Fost id-disorders marbuta mal-ansjetà nsibu t-tħassib, in-nervi, biżgħa kontinwa, eċċessiva u li tħalli effetti negattivi fuq il-kapaċità ta’ persuna li tiffunzjona b’mod san fil-fażijiet importanti tal-ħajja.

Tipi ta’ disorders marbuta mal-ansjetà:

Disorder tal-Ansjetà Ġenerali  

Din hija kkaratterizzata minn ansjetà eċċessiva dwar kwistjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum, bħall-flus, ir-relazzjonijiet, is-saħħa u l-istudju.  Dan ħafna drabi mingħajr ma jkun hemm verament jew wisq għalfejn.

  • Disorder tal-Ansjetà Soċjali / Fobija Soċjali

Din tiġri meta tinkwieta ħafna u tħossok konxju mmens dwar sitwazzjonijiet soċjali.  Tibda tiffissa li ħaddieħor se jiġġudikak jew li se jġegħluk tistħi jew jiddieħku bik.

  • Disorder tal-Paniku

Din hija kkaratterizzata minn attakki tal-paniku mhux mistennija.  L-attakki tal-paniku huma perjodi ta’ biża kbira li jiġu fuqna f’daqqa, li matulhom, il-qalb tħabbat tgħaġġel, ngħerqu, taqbadna r-rogħda, jinqata’ n-nifs, nitilfu s-sens tal-ħass, jew nibdew ninkwetaw li se jiġrilna xi ħaġa kerha.

  • Fobiji speċifiċi

Tħoss biża’ intensa minn oġġett jew sitwazzjoni speċifika, bħat-tul jew is-safar bl-ajruplan.  Din il-biża tmur lil hinn minn dak li jitqies ‘normali’ u tista’ twasslek biex tibda tevita ċerti sitwazzjonijiet ta’ kuljum

Jekk qed tbati minn sintomi ta’ ansjetà, huma komuni li tħossok waħdek u li ħadd mhu jifhmek.  Il-biża’ li jesperenzaw in-nies bl-ansjetà, ma jesperjenzawhiex oħrajn u allura dawn jaf ma jifhmux ir-raġunijiet wara din il-biża’.  Ħafna jassumu li ladarba ma tidhirx, mela mhix hemm. Iżda lkoll nafu li xi kultant, l-ikbar dimonji huma dawk li ma jidhrux.

Sintomi Komuni ta’ Ansjetà:

  • Diffikultajiet bin-nifs
  • Paniku, Biża’ u skumdità
  • Uġigħ ta’ ras
  • Rogħda
  • Nausea u sturdament
  • Kapaċità mnaqqsa biex tikkontrolla lilek innifsek
  • Għaraq
  • Diffikultà biex tikkonċentra
  • Diffikultà bl-irqad
  • Pressjoni għolja

Kif nista’ nimmaniġġja l-ansjetà?

Kemm jekk tbati minn ansjetà ta’ darba kultant, kif ukoll jekk tbati minn xi ansjetà ta’ natura medika, l-aħbar tajba hi li hemm numru ta’ rimedji żgħar u effettifi li tista’ tagħmel kuljum li jgħinu biex tnaqqas u tikkontrolla l-ansjetà tiegħek.  Il-parti l-kbira ta’ dawn il-passi jgħinu biex ngħidu ħajja f’saħħitna u sħiħa.

9 modi kif timmaniġġja l-ansjetà:

  1. Ħu nifs ‘il ġewwa u taħseb f’xejn iktar ħlief fil-mument

Meta nkunu anzjużi, nibdew nossessjonaw dwar xi ħaġa li jaf tiġri fil-futur.  Minflok, l-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu hija li nieqfu, NIEĦDU NIFS u naħtu kas ta’ dak li qed jiġri fil-mument.  Dan jgħinna nattivaw ir-rispons ta’ ġisimna biex nirrilassaw.

Ipprova ħu nifs ‘il ġewwa sakemm tgħodd sal-4, ibda minn żaqqek u ibqa’ tiela’ sas-sider.  Ipprova żomm in-nifs sakemm tgħidd sal-4. Imbagħad bil-mod, onfoħ ‘il barra sakemm tgħodd 4.  Dan il-proċess irrepetih iktar minn darba.

Meta taħseb biss fil-mument, ittejjeb il-kapaċità li tikkontrolla l-ansjetajiet.

  1. Aċċetta l-ansjetà tiegħek

Jekk verament trid timmaniħħja l-ansjetà tiegħek, l-aħjar ħaġa li tista’ tagħmel hija li taċċettaha.  Dan jista’ jidher kontrointuwittiv, iżda li taċċettaha huwa importanti mmens għax jekk tipprova teħles minnha jew tinjoraha ħafna drabi tiġik agħar – tkun qed tgħaddi l-messaġġ lilek innifsek li l-ansjetà hija intollerabbli. Dan ma jfissirx li għandna nirrassenjaw ruħna għal ħajja mimlija miżerja anzjuża.  Ifisser biss li jaqblilna jekk nirrikonoxxuha u naċċettawha bis-sħiħ l-ansjetà inevitabbli, iżda li tgħaddi. Jiġifieri jekk illum tesperjenza l-ansjetà, aħseb diha bħalma taħseb f’mewġa fil-baħar; ħalliha tiġi, tesperjenzaha, u tgħaddi! Jekk ma taċċettax dawn l-esperjenzi ġo fik, tkun qed tgħaddi lilek innifsek minn martirju għalxejn.  AGĦMEL KURAĠĠ, DAQT JGĦADDI KOLLOX!

  1. Sfidaha l-ansjetà tiegħek

Meta nkunu anzjużi, moħħna jibda ġej b’kull xorta ta’ ideat li ħafna drabi ma jkunu veri xejn, u sa ċertu punt eżaġerati.  U dawn l-ideat ikomplu jkattrulna l-ansjetà. Madankollu, dawn il-ħsibijiet nistgħu NBIDDLUHOM. L-ewwel pass huwa li nidentifikawhom.  Dawn il-ħsibijiet jgħinuna jew le? Il-ħsibijiet li jtillfuna ħafna drabi jiġu fil-forma ta’ “Minjaf?” u “Katastrofu”. Huma dawn il-ħsibijiet li rridu nisfidaw.

Bien nagħmlu dan, irridu nistaqsu lilna nfusna dawn il-mistoqsijiet:

  • Dan it-tħassib realistiku?
  • Verament jista’ jiġri li qed naħseb?
  • Jekk jiġri dak li qed naħseb li jista’ jiġri, xi tkun il-problema?
  • Kapaċi għaliha?
  • Tgħid veru jew qed nimmaġina jien li se jiġri dan?
  • X’nista’ nagħmel biex naħsiblu minn qabel?

Dawn il-mistoqsijiet nadattawhom għal dak li verament ikun għaddej minn moħħna, biex ikunu iktar realistiċi.

  1. Orqod tajjeb

In-nuqqas ta’ rqad jista’ jqabbad l-ansjetà.

Ipprova agħmel attivitajiet li jirrilassawk qabel torqod, ħu banju fietel, isma’ mużika li tikkalmak u ħu n-nifs fil-fond.

  1. Żomm attiv

Waħda mill-iktar attivitajiet importanti li tista’ tagħmel hija l-eżerċizzju regolari.  Pereżempju, mixja ħafifa ta’ 30-60 minuta. Dan jgħin biex il-ġisem jipproduċi l-endorfini, li jnaqqsu l-ansjetà.  Tista’ tniżżel lista ta’ attivitajiet fiżiċi li tieħu gost bihom u żidhom fir-rutina tiegħek tal-ġimgħa.

  1. Żomm kuntatt mal-oħrajn

Is-sapport soċjali huwa fundamentali biex jiġi mmaniġġjat l-istress.  Ċempel li xi ħadd għażiż għalik, mur ħu lunch ma’ ħabib/a tal-qalb, jew morru mixja, jew tagħmlu l-yoga.  Meta tparla u tkun mal-oħrajn, tkun qed tagħmel ġid kbir lilek innifsek.

  1. Kun ħanin fid-diskors miegħek innifsek

L-ansjetà tipproduċi ħafna diskors negattiv.  Meta tgħid affarijiet sbieħ u korretti lilek innifsek, tpoġġi l-affarijiet f’perspettiva tajba u tkun tiflaħ iktar timmaniġġja l-ansjetà.

  1. Evita l-kafeina

Hemm affarijiet li trid tagħmel u oħrajn li trid tevita biex timmaniġġja l-kafeina.  Hemm sustanzi li jifferoċjawha l-ansjetà – il-kafeina waħda minnhom. Iġġegħilna nħossuna iktar anzjużi.

  1. Evita s-sustanzi tossiċi

Filwaqt li d-drogi u l-alkoħol jistgħu jnaqqsu l-ansjetà temporanjament, fit-tul jagħmlu l-oppost.  

L-ansjetà tista’ tinħass bħal ktajjen madwar saqajk, li jiġbduk ‘isfel. Iżda, b’passi żgħar – bħal dawn li semmejna hawn fuq – tista’ tgħin tnaqqas l-ansjetà u tgħix biha effettivament.

Min jista’ jgħinni?

L-ansjetà mhix għażla.  Iżda, nistgħu nagħżlu kif nirrispondu u nieħdu ħsiebha.  Ta’ spiss diffiċli nirbħulha l-ansjetà! Mingħajr ma nindunaw, inħalluha tiddettalna ħajjitna u tnaqqsilna l-potenzjal tagħna.  Inħalluha twaqqafna milli nagħmlu dak li nixtiequ, minn dak li jispirana u jappoġġjana. Iżda għandek tkun taf LI M’GĦANDUX IKUN HEKK!  Xorta tista’ tgħix ħajja bis-sens, sħiħa u mimlija, anki meta l-ansjetà tkun qed issus warajk.

Meta xi ħadd juri sintomi ta’ ansjetà, naturalment jevitahom.  Li sa ċertu punt tagħmel sens, għax ejja nammettu, min irid joqgħod iħossu stressjat?  IŻDA, meta nevitawhom, l-ansjetà tkun qed tifraħ – iktar ma nevitaw sitwazzjonijiet li jkabbru l-ansjetà, iktar tikber ir-reazzjoni tal-ansjetà.  Is-soluzzjoni hi li naċċettaw il-preżenza tal-ansjetà, flok inkeċċuha ‘l barra.

Il-meditazzjoni, il-yoga u prattiki oħrajn ta’ rilassament jgħinu biex tonqos l-ansjetà, kemm b’mod temporanju, kif ukoll fit-tul.  Jekk jirnexxilek titkellem dwar dak li ktun għaddej minnu tant l-aħjar. Meta titkellem ma’ xi ħadd tal-familja, jew xi ħabib/a għal qalbek tkun qed tagħmel l-ewwel pass biex jifhmuk u jappoġġawk fl-ansjetà tiegħek.

Madankollu, xi kultant l-ansjetà trid tilqgħalha bl-għajnuna professjonali.  L-ansjetà hija fost l-iktar raġunijiet għalfejn in-nies tfittex l-għajnuna u l-appoġġ tat-teraposti.  Meta tħoss li l-piż ikun qed jagħfas, ikun tajjeb jekk tfittex l-appoġġ ta’ nies professjonali bħall-psikoterapisti, il-counsellors u l-psikologi.  Meta taħdem ma’ terapista biex tiġġieled il-biżgħat, titgħallem li dak li tibża’ minnu aktarx mhux se jiġri; issir kapaċi iktar tiġġieled l-ansjetà, u titgħallem taffaċċja aħjar riżultati negattivi li tkun qed tistena li se jiġru.

Madankollu, jekk issibha diffiċli tkellem lil xi ħadd wiċċ imb’wiċċ, aħna ta’ kellimni.com hawn 24/7, issib mentors professjonali online lesti biex jisimgħuk u jappoġġawk.  Tista’ tagħmel dan kollu u tibqa’ anonimu, u għalhekk il-ħsibijiet u l-ħsus kollha tiegħek taqsamhom f’anonimità assoluta.

Il-biża’, fil-biċċa l-kbira, tibda minn storja li ngħidu lilna nfusna; se nagħżel li ngħid storja oħra lili nnifsi.