Xi tkun id-‘depressjoni’?

Id-depressjoni hija diffikultà fis-saħħa mentali li taffettwa l-mod kif iħossu, jaħseb u jaġixxi l-bniedem. Tikkawża emozzjonijiet ta’ dwejjaq, u/jew tnaqqas mill-interess f’attivitajiet li qabel kienu jtuh pjaċir lil dak li jkun. Taffettwa wkoll kif wieħed iġib ruħu d-dar, u fuq il-post tax-xogħol. Huwa stmat li d-depressjoni tolqot lil wieħed minn kull 15-il adult fis-sena (6.7%).  Wieħed minn kull 6 persuni (16.6%) jesperjenaw xi forma ta’ depressjoni tul ħajjithom. Id-depressjoni tista’ tolqotna f’kull mument, iżda normalment, tidher l-ewwel lejn tmiem l-adoloxxenza sal-bidu tal-20ijiet. In-nisa għandhom tendenza ikbar li tolqothom mill-irġiel. 

Is-sintomi tad-depressjoni jistgħu jvarjaw minn batuti sa severi, u fosthom insibu:

  • Sens ta’ dwejjaq u burdata ta’ depressjoni
  • Nuqqas ta’ interess jew jintilef il-gost f’attivitajiet li qabel kienu jagħtu pjaċir
  • Bidla fl-aptit – telf jew żieda fil-piż li ma jkollux x’jaqsam ma’ bidla fid-dieta
  • Problemi fl-irqad jew irqad żejjed
  • Tnaqqis fl-enerġija jew għejja kbira
  • Żieda f’ċaqliq fiżiku inutli (eż: wieħed joghrok idejh jew jippassiġġa fil-vojt) jew movimenti jew diskors kajman (b’tali mod li ta’ madwarek jindunaw) 
  • Wieħed iħossu inutli jew ħati
  • Diffikultà biex wieħed jaħseb, jikkonċentra jew jiddeċiedi
  • Ħsibijiet ta’ mewt jew suwiċidju

Dawn is-sintomi jridu jdumu tal-inqas ħmistax biex wieħed ikollu dijanjożi ta’ depressjoni u normalment wieħed jirċievi tali dijanjożi minn tabib tas-saħħa mentali. Huwa importanti li wieħed jinnota li l-problemi bit-tirojde, tumur fil-moħħ u n-nuqqas ta’ ċerti vitamini jafu jwasslu għall-istess sintomi tad-depressjoni.

Fatturi ta’ riskju għad-depressjoni

Id-depressjoni tista’ tolqot lil kulħadd, fi kwalunkwe fażi fil-hajja – anki lil xi ħadd li jidher li jgħix f’ċirkustanzi relattivament ideali. 

Hemm diversi fatturi li jinstigaw id-depressjoni, bħall-bijokimika, il-ġenetika  il-karatteristiċi personali tal-individwu, u l-fatturi ambjentali li wieħed jgħix fihom li jaghmluna suxxettibbli iktar għad-depressjoni, bħal meta wieħed jitwarrab, jew jgħix fil-faqar. 

Id-depressjoni, kif tinduna li hi differenti mid-dwejjaq jew mis-swied il-qalb minħabba xi mewta/telfa?

Tul ħajjitna, ngħaddu minn serje ta’ bidliet u telfiet, bħall-mewt ta’ xi ħadd għażiż, jew it-tmiem ta’ xi relazzjoni, jew it-telfa ta’ xi xogħol, fost oħrajn, u ta’ spiss nesperjenzaw emozzjonijiet ta’ dwejjaq bhala reazzjoni quddiem dawn l-esperjenzi. Hawn min jinqeda bil-frażi ‘nħossni depressed’, iżda dan id-dwejjaq huwa differenti sew mid-depressjoni. Il-proċess tad-dwejjaq f’dal-mumenti (grief) għandu ħafna minn dak li nħossu waqt depressjoni, bħal dwejjaq kbar u aptit li ma nagħmlu xejn, iżda xorta jvarja minn dak tad-depressjoni severa.

Meta nitilfu lil xi ħadd, l-emozzjonijiet ta’ uġigħ jigu bħal donnhom mewg, ta’ spiss b’memorji sbieħ tal-persuna li tkun ħallietna. Waqt depressjoni qawwija, il-burdata u/jew l-interess (il-gost) jonqos tul ħmistax sħaħ. Meta nitilfu lil xi ħadd, il-fiduċja fina nfusna ma nitilfuhiex. Meta nbatu minn depressjoni akuta, huwa komuni li nħossuna inutli u li nobogħdu lilna nfusna.

Għal xi wħud, il-mewt ta’ xi ħadd li nħobbu tista’ tikkawżalna depressjoni akuta. Hawn min jaqa’ f’depressjoni meta jitlef xogħol, jew meta jisfa vittma ta’ xi attakk fiżiku jew meta jesperjenza xi diżastru kbir. Meta wieħed jgħaddi minn xi ħaġa diffiċli, u jkollu depressjoni wkoll, wieħed idum iktar biex jgħaddi minn din il-fażi min-normal. Madankollu, minkejja li huma żewġ affarijiet b’sintomi li jixxiebħu, huma differenti għal kollox. Huwa importanti li wieħed jagħraf jiddistingwi bejniethom, sabiex jirċievi l għajnuna  l-appoġġ, jew it-trattament li jkollu bżonn. 

Tips biex wieħed jiehu ħsieb depressjoni akuta

Id-depressjoni toħodlok saħħtek, tneħħilek it-tama u l-enerġija, u tagħmilha diffiċli biex wieħed jieħu l-passi neċessarji biex iħossu ahjar. Xi kultant, li wieħed jaħseb f’dak li jrid jagħmel sabiex iħossu ahjar, bħall-eżerċizzju, jew li jqatta’ l-ħin mal-ħbieb, ikun biżżejjed biex jaqta’ qalbu li għad jasal jagħmel dan. 

Ir-raġuni għaliex tant huwa diffiċli li wieħed jieħu ħsieb id-depressjoni hija li :  L-affarijiet li l-iktar huma ta’ ġid biex wieħed jeħles minnha, huma propju dawk li huma l-itqal biex wieħed jagħmilhom. Hemm differenza kbira bejn xi ħaġa li hi diffiċli tagħmilha u xi ħaġa li hi impossibbli li tagħmilha.  Huwa minnu li mhux faċli meta wieħed ikun qed jipprova jfiq minn depressjoni, iżda tajjeb li niftakru li għandna ħafna iktar kontroll milli naħsbu – anki jekk ikollna depressjoni akuta u persistenti.  Wieħed irid jibda b’pass żgħir u jibni fuqu. Jaf qajla għandek enerġija, iżda jekk wieħed jiġbed kull nitfa saħħa li għandu, jaf tkun biżżejjed biex toħroġ dawra mal-blokka, jew biex iċċempel lil xi ħadd li tħobb, pereżempju.

Kif tgħix bid-depressjoni – tip 1: Tkellem u żomm kuntatt

  • Fittex is-sapport mingħand persuni li magħhom tħossok safe u li jieħdu ħsiebek.
  • Ipprova ltaqa’ wiċċ imb’wiċċ ma’ dak li jkun
  • Ipprova oħroġ, anki jekk ma jkollokx wisq aptit
  • Sib modi kif tista’ tissapportja lil ħaddieħor
  • Rabbi annimal bħala pet.
  • Issieħeb f’xi grupp li jgħin fit-trattament tad-depressjoni.

Kif tgħix bid-depressjoni – tip 2: Agħmel dak li jġegħlek tħossok tajjeb

Dan tista’ tagħmlu billi jkollok stil ta’ ħajja san, titgħallem kif timmaniġġja l-istress, tpoġġi limitu fuq dak li inti tiflaħ tagħmel, u tinkludi attivitajiet ta’ pjaċir fir-rutina tiegħek ta’ kuljum.

Agħmel affarijiet li tieħu pjaċir tagħmilhom (jew li kont)

  • Ipprova orqod tmien sigħat kuljum.
  • Ipprova kkontrolla l-istress.
  • Ipprattika t-tekniki tar-rilassament.
  • Ipprova ibni lista ta’ affarijiet li jtellgħulek il-moral malajr.  Iktar ma jkollok « għodod » li jgħinuk waqt depressjoni, aħjar. Ittestja xi wħud minn dawn l-ideat kuljum, anki meta tkun qed tħossok tajjeb.
  1. Qatta’ ftit ħin fin-natura
  2. Niżżel dak li tħobb fik innifsek
  3. Aqra xi ktieb tajjeb
  4. Ara xi film jew xi programm tad-daħq
  5. Ħu banju sħun, bil-kwiet
  6. Aqbad 4 biċċiet xogħol żgħar, u lestihom
  7. Ilgħab ma’ xi pet
  8. Tkellem mal-ħbieb jew mal-familjari wiċċ imb’wiċċ
  9. Isma’ l-mużika
  10. Agħmel affarijiet spirtu pront

Kif tgħix bid-depressjoni – tip 3: Qum u ċċaqlaq

Meta tkun depressed, anki li biex wieħed joħroġ mis-sodda jsibha bi tqila, aħseb u ara jagħmel l-eżerċizzju!  Iżda l-eżerċizzju huwa ġellied kbir tad-depressjoni. Ir-riċerka turi li l-eżerċizzju regolari jista’ jkun effettiv daqs il-mediċina li ttaffi s-sintomi tad-depressjoni.  Meta wieħed ikun għaddielu, l-eżerċizzju jgħin ħafna biex wieħed jibqa’ jħossu tajjeb.

Sabiex tibbenefika kemm jista’ jkun, ipprova mmira għal nofsiegħa eżerċizzju kuljum.  Dan m’hemmx għalfejn isir f’daqqa – u ftakar li tista’ tibda bi ftit. Mixja ta’ 10 minuti tista’ ttejjiblek il-burdata għal sagħtejn.

Kif tgħix bid-depressjoni – tip 4:  Kul ikel san, u li jikkumbatti d-depressjoni

Dak li tiekol ikollu impatt dirett fuq kif tħossok.  Ipprova tikolx ikel li jaffettwa l-moħħ u l-burdata, bħall-kafeina, l-alkoħol ix-xaħmijiet trans, u l-ikel b’livel għoli ta’ preżervattivi kimiċi jew bl-ormoni (bħal ċerti laħmijiet)

  • Taqbiżx ikliet
  • Naqqas iz-zokkor u l-karbojdrati rfinati
  • Ħu iktar Vitamini B
  • Tejjeb il-burdata b’ikel li għandu ħafna omega-3 fatty acids.

Kif tgħix bid-depressjoni – tip 5:  Ipprova oħroġ ftit kuljum fix-xemx

Id-dawl tax-xemx jagħti spinta lil-livelli tas-serotonina, u jtejjeb il-burdata.  Fejn ikun possibbli, oħroġ fid-dawl tax-xemx u pprova oqgħod fiha almenu kwarta kuljum.  Neħħi n-nuċċali tax-xemx (iżda qatt tħares fiss lejha) u uża l-krema ta’ protezzjoni kif meħtieġ.

Meta għandek tfittex għajnuna professjonali minħabba d-depressjoni?

Jekk ħadt passi waħdek biex tgħin ruħek u għamilt tibdil fl-istil ta’ ħajtek u xorta tħoss li d-depressjoni qed taħkmek, fittex l-għajnuna professjonali.  Imbilli għandek bżonn għajnuna oħra ma jfissirx li inti batut.  Kultant il-ħsibijiet negattivi tad-depressjoni stess jġegħluk taħseb li inti każ mitluf, iżda d-depressjoni tista’ titfejjaq, u inti tista’ tħossok aħjar!

Kif nista’ ngħin lil xi ħadd b’depressjoni?

Jekk xi ħadd li tħobb għaddej minn depression, inti jaf tkun qed tħoss diversi emozzjonijiet, fosthom li ta’ qtigħ il-qalb, frustrazzjoni, rabja, ħtija, u dwejjaq.  Dawn il-ħsus huma kollha normali. Mhux faċli tieħu ħsieb ħabib/a jew memebru tal-familja b’depression; int u tagħmel dan, importanti li tieħu ħsieb saħħtek ħalli ma jġorrokx dan it-tiġrib.

Tista’ tibda billi titgħallem dak kollu li tista’ dwar id-depressjoni u dwar kif l-aħjar titkellem dwarha mal-ħabib/a jew membru tal-familja.  Huwa importanti li żżomm f;’moħħok dan li ġej meta tkun hemm għal dik il-persuna li tħobb:

  • Il-persuna bid-depressjoni mhux se “tfaqqa’ subgħajja u jgħaddilha”, sempliċiment għax tkun trid.
  • Huwa komuni li l-persuni bid-depressjoni jgħidu affarijiet li jweġġgħu u li jirrabjaw malajr.  Ftakar li din tkun id-depressjoni li qed titkellem, ipprova tiħux l-affarijiet f’sens personali.
  • Ma tkun qed tgħin lil ħadd jekk tipprova ġġib l-iskużi, taħbi l-problema jew tigdiblu lil ħabibek/ħabibtek jew lill-membru tal-familja li jkollu depressjoni.  Fil-fatt, dan jista’ jwaqqfu milli jfittex il-kura li jkun jeħtieġ.
  • Din il-persuna la hi għażżiena u lanqas mhi nieqsa mill-motivazzjoni.
  • Ma tistax “issewwi” d-depressjoni ta’ ħaddieħor: filwaqt li tista’ toffri l-imħabba u l-appoġġ, l-irkupru, fl-aħħar mill-aħħar, f’idejn min qed ibati mid-depressjoni jinsab.

Tips biex titkellem dwar id-Depressjoni:

Dawn is-sentenzi jaf ikunu ta’ għajnuna:

  • “M’intix waħdek.  Jien qiegħed/qiegħda hawn għalik.”
  • “Bħalissa jaf ma temminnix, iżda dak li qed tħoss bħalissa mhux se tibqa’ tħossu.”
  • “Jista’ jkun li mhux nifhem eżatt dak li għaddej/ja minnu bħalissa, iżda jien jimpurtani minnek u rrid ngħinek.”
  • “Meta tkun se taqta’ qalbek, għid lilek innifsek li se tissaporti ħarira oħra, ġurnata, siegħa oħra. – ara int kemm tiflaħ.”
  • “Int importanti għalija.  Ħajtek importanti għalija.”
  • “Għidli kif nista’ nkun ta’ għajnuna bħalissa.”

Dak li għandek TEVITA milli tgħid :

  • “Kollox f’rasek qiegħed.”
  • “Ilkoll ngħaddu minn żminijiet bħal dawn.”
  • “Ħares lejn is-sabiħ tal-ħajja.”
  • “Għandek tant għalxiex tgħix, għalfejn tixtieq tmut?”
  • “Ma nista’ nagħmillek xejn.”
  • “Qum min hemm u ejja ħa mmorru.”
  • “X’inhu jtik?”
  • “S’issa suppost għaddielek imma?”

Filwaqt li ma tistax tikkontrolla kif u meta wieħed ifiq minn depressjoni, tista’ tibda billi tinkuraġixxi lill-persuna b’depressjoni biex tfittex l-għajnuna. Diffiċli tikkonvinċi lil xi ħadd b’depressjoni jfittex l-għajnuna.  Id-depressjoni toħodlok saħħtek u l-motivazzjoni kollha, allura anki appuntament jew li tfittex tabib jaf ikun wisq għall-persuna li qed tgħin. Id-depressjoni tinvolvi wkoll modi negattivi ta’ kif wieħed jaħseb. Il-persona b’depressjoni jaf temmen li s-sitwazzjoni hija waħda bla tama u li t-trattament ikun għalxejn.  Minħabba dawn l-ostakli, li tikkonvinċi lill-persuna li qed tgħin tammetti l-problema – u li tikkonvinċiha li tista’ tissolva – huwa pass essenzjali lejn il-fejqan mid-depressjoni.

Jekk ħabibek/ħabibtek jew il-membru tal-familja ma jkunx irid l-għajnuna:

Issuġġerixxi viżta ġenerali għand tabib.  Il-persuna jaf tkun inqas anzjuża biex tara t-tabib tal-familja, milli xi professjonista tas-saħħa mentali.  Viżta għand it-tabib tas-soltu hija għażla tajba ħafna, għax it-tabib kapaċi jelimina mill-ewwel jekk il-persuna jkollhiex depressjoni.  Jekk it-tabib jagħmel dijanjożi ta’ depressjoni, jista’ mbagħad jirreferi lill-persuna għand psikjatra jew psikologu. Xi kultant, din l-opinjoni “professjonali” tagħmel id-differenza kollha.

Tajjeb li lill-persuna toffrilha ssib tabib jew terapista u li tmur magħhom għall-ewwel viżta.  Kapaċi jkun diffiċli ssib lil min ikun joffri l-aħjar trattament, u ħafna drabi jkun proċess fejn trid tibqa’ tipprova.  Għal persuna b’depressjoni li diġà nieqsa mill-enerġija, tkun ta’ għajnuna kbira l-assistenza biex isiru t-telefonati u biex wieħed jiċċekkja l-għażliet kollha. 

Ħeġġeġ lill-persuna biex tikteb lista ddettaljata tas-sintomi u tal-effetti kollha li tixtieq tiddiskuti mat-tabib.

Jekk taħseb li xi ħabib/a jew membru tal-familja jista’ jkun li qed tikkunsidra s-suwiċidju, toqgħodx tistenna, kellimhom dwar il-ħsibijiet tiegħek.  Ħafna nies jiddejqu jġibu d-diskors fuq hekk, iżda din hija waħda mill-aħjar affarijiet li tista’ tagħmel għal dawk li jkunu qed jaħsbu fis-suwiċidju.  Jekk titkellem b’mod apert dwar il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tas-suwiċidju, tista’ ssalva l-ħajja ta’ xi ħadd, jiġifieri tkellem jekk inkwetat u fittex l-għajnuna professjonali immedjatament!  Jekk taħseb li l-persuna tinsab f’riskju imminenti li tikkommetti suwiċidju, TĦALLIHOMX waħidhom. Jekk jogħġbok ċempel 112 jekk imħasseb dwar xi ħadd li jinsab f’riskju immedjat ta’ suwiċidju.