Ma niehdux lilna nfusna wisq bis-serjeta’

Għaliex huwa importanti li nitgħallem ma nieħux lili nnifsi bis-serjeta’? Naħseb tagħmel il-ħajja ħafna eħfef. Li tkun taf tieħu l-affarijiet b’niskata melħ u tħalli lilek innifsek tkun uman jgħinek biex teħles minn ħafna toqol tal-ħajja. Jien għandi ħmistax -il sena, u mhux dejjem kont naf nidħak bija nnifsi. Naf li parti mill-problema kienet li meta kont zgħira kienu jidqu ħafna bija. Kont mort għat-terapija u kienet għinitni ħafna biex naċċetta lili nnifsi u nifhem li ma kellix għalfejn inkun perfetta. Ha ngħidlek l-istorja tiegħi.
Jien trabbejt wara erbgħa subien, u kienu jaqbdu miegħi il-ħin kollu. Kienu jħobbu jgħiduli: “araha, reġgħet waqgħet għaċ-ċajt! Stupida! M’hi tajba għal xejn!” Kienu jgħiduli hekk il-ħin kollu u għal kull ħaġa li nagħmel, sew jekk inwaqqa tazza, sew jekk naqa’ ma stajt nagħmel xejn. Kont inħossni verament li ma jien tajba għal xejn, u ma stajtx nirrabja magħhom anqas, għax aktar kienu jidku u jgħidu li kont taċ-ċajt. Allura kont niskot, insir ħamra nar u nibda nistħi. Bdejt naħseb li kull darba li nagħmel żball kont qed inkun stupida, kif kienu jħobbu jgħiduli. Allura kbirt nibża nagħmel l-iżbalji, għaliex kull darba kont inħossni umiljata. Allura x’għamilt? Bdejt noqgħod kwieta, b’ħalqi magħluq, ma ngħid xejn, u nistħi nidher quddiem in-nies. Ma ridt bl-ebda mod inkun fl-attenzjoni tan-nies għax kont nispiċċa inħossni umiljata. Pruvajt ma nidher imkien.
Inħossni veru rrabjata għal mod kif kelli nistaħba minn-nies. Illum naf li l-aħjar ħaġa li kelli nagħmel kien li meta nagħmel żball nitgħallem nidħak bija nnifsi flimkien ma’ ħuti s-subien. Illum ninduna li għalija kien importanti ħafna li quddiem ħuti nkun perfetta, biex hekk jibdew jammirawni u jkunu kuntenti bija. Ħadt lili nnifsi bis-serjeta’ wisq, jew aħjar hadt lilhom bis-serjeta’ wisq, u bdejt nurihom li meta jgħajruni kont nieħu għalija. Illum ninduna li ma kontx qed ninnota li huma kienu qed jagħmlu hekk biex jinkuni. Ħadt kollox personali wisq u kont nieħu għalija l-ħin kollu.
Illum, meta nagħmel żball, (u dan nagħmlu ta` spiss, għax m’inhix perfetta, jien umana wara kollox!), illum nidħak bl-iżball li nkun għamilt u nipprova nieħu l-affarijiet biċ-ċajt. Hekk inħossni ħafna aħjar u ngħix bla nkwiet żejjed.
AĦSEB FTIT:
  • Jien nieħu lili nnifsi bis-serjeta’ wisq?
  • Nikkonfondi żżejjed fuq x’jgħidu l-oħrajn fuqi, fuq dak li nagħmel, inħoss, ngħid?
  • Jien nistħi meta nara n-nies iħarsu lejja?
  • Nieħu kull ma nisma personalment u nieħu għalija fuq ħaġa ta` xejn?
  • Kapaċi nara l-affarijiet biċ-ċajt, jew nieħu għalija u nirrabja meta nieħu żball?