I can’t get you out of my mind

I can’t seem to get you out of my mind.

The way you walk, the way you talk, the way your eyes shine.

I can’t seem to understand the way you bend your head to listen to every word I say

And the way things between us are never dull or gray.

 

I can’t seem to get you out of my mind.

The way you listen, the way you react, the way your smile never dies.

I can’t seem to explain the fullness I feel.

Sometimes looking at you, it all seems so surreal.

 

I can’t seem to get you out of my mind.

The way my heart races when I see you, the way I don’t want to say goodbye.

I can’t seem to fathom why you talk to me as much as you do,

But I love it, and I can honestly say, I adore you too.

Din il-poeżija nkitbet minn tfajla adoloxxenti jisimha Julia Aronov.  Hija dwar ġuvni li kienet tarah kuljum l-iskola għal tliet snien iżda li qatt ma kellmitu.  Darba, bagħtilha messaġġ u minn dakinhar ‘il quddiem bdew relazzjoni li saret tfisser ħafna għaliha.

 

L-imħabba u r-relazzjonijiet

L-imħabba romantika hija differenti ferm mill-imħabba li nħossu għall-familja u l-ħbieb tagħna.  Li niżviluppaw emozzjonijiet u sens ta’ attrazzjoni lejn l-oħrajn huwa normali aħna u nikbru u dan jista’ jkun eċitanti mmens.  Meta ninġibdu lejn xi ħadd nistgħu nħossuna anzjużi żżda eċitati meta dik il-persuna tkun ħdejna.  Nibdew inħossuna qed noqorbu lejn dik il-persuna speċjali, aħna u naqsmu ħsibijiet u emozzjonijiet li ma naqsmux ma’ ħaddieħor.

Tgħid nogħġbu lil dak li jogħġobni?

Kultant tant ninġibdu lejn xi ħadd li naħsbu fihom biss.  Li nifflertjaw u ngħaddu l-kumplimenti lil xulxin jista’ jkun sinjal li nogħġbuh lil xi ħadd u li jista’ jkun interessat jibda relazzjoni.  Li nistaqsu lil xi ħadd biex joħroġ magħna tista’ tkun esperjenza li tbeżżagħna xi ftit, u titlob il-kuraġġ.

Dawn huma xi ftit għajnuniet biex dan isir iktar faċli:

  1. Żomm il-kalma u aħseb dwar dak li tkun se tgħid.  Jaf ikun ftit diffiċli li tibda konverżazzjoni, u allura li tistaqsi iktar dwar il-persuna l-oħra jista’ jkun mod tajjeb ta’ kif tibda diskursata.
  2. Daqsxejn tal-privatezza meta titkellem taf tgħin is-sitwazzjoni.  Jekk ma tħossokx komdu titkellem wiċċ imb’wiċċ, telefonata, jew messaġġ, jew xi chat onlajn jista’ jkun iktar faċli għalik.
  3. Jekk tħoss li l-affarijiet sejrin tajjeb, tista’ tiqsaqsi lill-persuna li togħġbok biex tagħmlu xi ħaġa flimkien, bħal tmorru ċ-ċinema, jew tieħdu xi ġelat.  Tista’ tissuġġerixxi wkoll li toħorġu fi grupp ta’ ħbieb, minflok date waħidkom mill-ewwel.
  4. L-iktar ħaġa importanti hija li żżomm f’moħħok dejjem li inti persuna tal-ġenn, irrispettivament minn x’tġħidlek il-persuna li togħġbok!

Meta jgħidulna le

Xi drabi, l-persuna li tkun togħġobna jaf ma nogħġbuhiex aħna, u dan jista’ jwassal għal diżappunti kbar.  Huwa importanti li nżommu f’moħħna li din hija parti normali tal-ħajja u tiġri lil kulħadd xi darba jew oħra.  Taqtax qalbek!  Se tkun imweġġa’ għal ftit, iżda dan ma jfissirx li għandek xi ħaġa ħażina jew li mhux se ssib lil xi ħaddieħor.  Ifisser biss li ma kontux tajbin għal xulxin.

Il-firda

Li titlaq jew jitilqek xi ħadd hija esperjenza ta’ swied il-qalb u li tweġġa’.  Tħoss ħafna emozzjonijiet, bħal rabja, konfużjoni, għira u stima baxxa fik innifsek.  Xi kultant tibda taħseb li ħadd mhu jifhem dak li għaddejja minnu u li qatt m’int se tkun kuntenta mill-ġdid.  Tagħmel tajjeb taqsam dak li tħoss ma’ xi ħadd li tafda, bħal xi ħabib, xi għalliem jew xi counsellor.  Tajjeb ukoll li tibki bikja tajba jew tikteb dak li qed tħoss f’xi djarju!  Ma fiha xejn li nħossuna ħażin, dan huwa proċess normali wara firda.  Żomm lilek innifsek okkupat, agħmel dak li jogħġbok, oħroġ mal-ħbieb u agħti ċ-ċans lilek innifsek tfiq biex timxi ‘l quddiem wara li tintemm relazzjoni.

Is-Sess

Hemm ħafna fuq xiex wieħed jaħseb meta niġu għas-sess; persuna trid tara jekk hix lesta, trid titgħallem dwar il-protezzjoni mill-mard trażmess sesswalment (STIs), u trid tipproteġi lilha innifsha mit-tqala mhux mixtieqa.

Huwa importanti mmens li meta tiġi għas-sess, jew għall-kuntatt sesswali ieħor, tkunu qbiltu t-tnejn li intom dwar dan.  Dan jgħidulu kunsens sesswali u jfisser li kemm inti kif ukoll il-partner tiegħek tkunu għidtu ‘iva’.  Jekk xi ħadd minnkom it-tnejn ma jkunx lest, għandek tirrispetta d-deċiżjoni tagħhom.  Li tisforza lil xi ħadd jew tħossok sfurzat mill-partner biex tagħmel is-sess huwa inġust ħafna, dan huwa pass importanti fil-ħajja, u trid tkun lest għalih.  Jekk persuna ma tirrispettax il-’le’ ta’ persuna oħra, dan jista’ jitqies bħala forma t’abbuż sesswali jew stupru.

Jekk persuna tkun qed tikkunsidra s-sess, huwa importanti li tiftakar fl-ABC tas-sess:

A – Abstinence / Astinenza: l-aktar metodu sigur kif tipproteġi ruħek minn tqala mhux pjanata u/jew minn mard trażmess b’mod sesswali (STIs) huwa billi tevita li tagħmel is-sess sa ma tħossok lest/a emozzjonalment, sa ma tkellimtu int u l-partner tiegħek dwar is-sess (eż. Dwar kif tħossukom, dwar kontraċettivi, dwar il-konsegwenzi ta’ dan eċċ) u sa ma tkun lest/a li terfa’ r-responsabbiltajiet li ġġib magħha is-sess.

B – Be Faithful / Żomm partner wieħed/waħda: jekk inti tiddeċiedi li tkun attiv sesswali, billi tnaqqas l-ammont ta’ partners sesswali li jkollok, tnaqqas ir-riskju ta’ mard trażmess b’mod sesswali (STIs).  Allura, aktar ma jkollu partners persuna, aktar tkun fir-riskju għall-mard trażmess b’mod sesswali (STIs).

C – Contraceptives/Condoms / Kontraċettivi/kondoms: huwa importanti li jekk inti tiddeċiedi li tkun attiv sesswalment, tagħmel użu minn kontraċettivi bħall-kondoms għaliex dan inaqqas ir-riskju għat-tqala mhux pjanata u għall-ċertu mard trażmess b’mod sesswali (STIs).  Huwa importanti li żżomm f’moħħok li meta tuża kondom, xorta hemm riskju għat-tqala jew/u għall-ċertu mard trażmess b’mod sesswali (STIs); għalhekk huwa importanti tant li taħseb dwar ir-responsabbiltajiet tiegħek qabel ma tagħmel is-sess.

X’inhu dan il-mard trażmess b’mod sesswali (STIs – Sexually Transmitted Infections)

Il-mard trażmess b’mod sesswali jinxtered minħabba xi kuntatt sesswali li tinvolvi l-fluwidi tal-ġisem jew il-kuntatt tal-ġilda ma’ ġilda tal-partijiet ġenitali.  B’hekk il-mard sesswali jista’ jiġi trażmess permess ta’ kuntatt tal-ġilda tal-parti ġenitali mal-ġilda tal-parti ġenitali tal-persuna l-oħra, permess ta’ sess orali, permess ta’ sess vaġinali u/jew sess anali.

Il-mard trażmess b’mod sesswali jista’ jiġi kklassifikat f’3 kategoriji prinċipali: mard kaġun ta’ parassit (eż. Pubic lice), mard kaġun ta’ bakterja (eż. Chlamydia) u mard kaġun ta’ virus (eż. Felul ġenitali/HPV). Hemm xi mard trażmess b’mod sesswali li hemm fejqan għalih; mard kaġun ta’ parassiti huwa kkurat billi jintuża shampoo medikat jew antibijotiċi, skont it-tip ta’ marda.  Mard kaġun ta’ bakterja s-soltu huwa kkurat permezz ta’ antibijotiċi; b’hekk dawn ma jkunux ta’ periklu jekk tikseb it-trattament meħtieġ mal-ewwel.  Mard kaġun ta’ virus pero’ m’hemmx kura għalih; il-mediċina teżisti biss biex tikkontrolla l-virus iżda ma jitneħħiex il-virus.

Avolja l- mard trażmess b’mod sesswali huwa pjuttost komuni, xi nies jafu jħossuhom mistħija jew imbarazzati jekk ilaqqtu xi marda.  Ħafna mid-drabi in-nies lanqas jindunaw li jkollom xi marda ta’ dan it-tip!   Dan għaliex hemm ċertu mard sesswali li juri sintomi bħal xi raxx, ħruq waqt li tgħaddi l-awrina, ħakk, bidliet fit-tisfija, waqt li oħrajn ma jkollhom ebda sinjali. Avolja persuna jaf ikollha xi marda li hija trażmessa b’mod sesswali  mingħajr ebda sintomi, il-marda xorta tista’ tikkawża ħafna ħsara lil persuna nnifisha u anke, tista’ tiġi mgħoddija lil ħaddieħor jekk ikun hemm xi kuntatt sesswali.  Minħabba f’hekk, jekk inti tagħżel li tkun attiv sesswalment,  huwa importanti ħafna ukoll li tmur għall-check-ups regolari ġewwa l-Klinika Ġinekoloġika ġewwa Mater Dei (Tieni Sular).  Avolja taf tkun xi ftit imbarrazzanti jew xi ftit diffiċli, hija importanti li tieħu ħsieb is-saħħa sesswali tiegħek minħabba l-konsewgenzi serji li jista’ jkun hemm.

Il-Klinika Ġinekoloġika ġewwa Mater Dei toffri testing għall-mard trażmess b’mod sesswali b’mod kunfidenzjali lil individwi ta’ kull eta’ (persuna taħt it-tmintax il-sena tista’ tattendi l-klinika mingħajr il-preżenza t’adult) – https://health.gov.mt/en/MDH/Pages/MDH-Genitourinary-Clinic.aspx

It-Tqala

Il-kontraċezzjoni qiegħda hemm biex tipprevjeni t-tqala.  Hemm diversi tipi ta’ kontraċezzjoni u l-aħjar ħaġa li għandha tagħmel persuna li se tibda tagħmel is-sess hija li titkellem ma’ tabib jew ġinekologu dwar l-iktar metodi adattati għaliha.  Għalkemm dan ukoll jista’ jkun diffiċli, għandek tfittex li titkellem ma’ xi adult li tafda sabiex titgħallem iktar dwar kif tista’ tagħmel sess iktar sigur.

 

Tagħmel x’tagħmel fir-relazzjonijiet tiegħek mal-oħrajn, għandek dejjem iżżomm f’moħħok li tħobb u tirrispetta lilek innifsek, tieħu ħsieb tiegħek innifsek u fuq kollox tieħu pjaċir b’dan il-perjodu eċitanti ta’ ħajtek!

Jekk tixtieq tkellem ma’ xi ħadd b’mod anonimu dwar l-imħabba, r-relazzjonijiet u s-sess, ħossok liberu li tikkuntattjana permezz taċ-ċhat, tal-app għall-ismart messaging jew bl-email.  Dawn is-servizzi huma disponibbli 24/7 u aċċessibbli minn hawn: https://kellimni.com/#contact-us