Mhux jiena biss

Ta’ sittax –il sena kont naħseb li d-dinja hija tiegħi u kont nemmen li kont nista’ nibdilha, u hekk kont iddeċidejt. Kull darba li kont nixgħel it-TV kont nisma’ bi qtil ieħor razzista, aktar gwerer u aktar ħsara lill-ambjent. Kont għaddejt tajjeb mill-Matsec. Ġejt imrobbi tajjeb minn familja tajba. Kont naf fejn kont sejjer u l-pjanijiet tiegħi kienu li nagħmel bidliet kbar u tajbin f’din id-dinja miġnuna, u b’hekk insir magħruf.

Darba minnhom rajt il-film “Pay it forward”, u hemm nista ngħid li saret bidla vera fija. Dan il-film huwa dwar tifel li kellu sfida jikteb kif kien jippjana li jibdel id-dinja billi jibdel il-bnedmin, u kif kien ser iwettaq il-pjan tiegħu. It-tifel ħaseb f’ħaġa sempliċi – l-ideja li ħafna drabi meta tagħmel xi ħaġa tajba lil xi ħadd ma tistennix li jħallsek lura, imma li jħallas il-quddiem billi jagħmel xi ħaġa tajba hu lil ħaddieħor. Fil-film, it-tifel beda billi jagħmel affarijiet żgħar lil tlieta minn nies li kien jaf. Dawn in-nies iħallsu l-pjaċir il-quddiem billi kull wieħed minnhom isib tlett min-nies oħra u jagħmel pjaċir lilhom. B’hekk fi żmien verament qasir ħafna nies kienu qed igawdu mill-ideja tant sabiħa ta’ dan it-tifel.

Meta ħriġt miċ-ċinema ħassejtni tant kuntent u tajjeb. Ħsibt fuq l-idejat kbar li jien kelli biex nibdel id-dinja, meta kull ma kelli nagħmel hu li nkun jien il-bidla u nwassal dan il-messaġġ lill-nies oħrajn. Ma kellix naħseb fuqi nnifsi, kif ser insir magħruf, imma fuq l-attitudni tiegħi għal ħajja billi naħseb aktar fl-oħrajn.
Kelli nibda bil-mod – l-ewwel billi nibda’ fil-familja tiegħi stess. Ngħidilhom biex ma jħallsunix lura ta’ xi pjaċir li nagħmlilhom, imma biex isibu oħrajn u jagħmlu pjaċir lilhom huma. Wara mbagħad nagħmel l-istess l-iskola, u kuljum, kull min niltaqa’ miegħu issir opportunita’ għalija biex nagħmel differenza positiva fil-kommunità – u wara – fid-dinja.
AHSEB FTIT:  
  • Int kuntent bid-dinja kif inhi llum?
  • Hemm xi affarijiet li inti tridhom ikunu differenti fid-dinja? X’inhuma?
  • Min għandu r-risponsabbiltà tad-dinja wara kollox?
  • Qatt ħsibt kif inti tista’ tibdel id-dinja?
Matul l-adolexxenza naħsbu ħafna fuqna nfusna. Naħsbu li aħna ċ-ċentru tad-dinja u li kollox idur magħna, u li aħna l-aktar importanti. Il-verita  hi li aħna mdawwrin b’nies li huma important daqsna, u li għandhom bżonn il-ħin u l-attenzjoni li rridu aħna.

Forsi aħna ffurtunati li għandna grazzja li aħna b’saħħitna u ma jonqosna xejn. Dawn huma rigali li aħna nistgħu nużaw għal ġid tagħna nfusna u għal ġid ta’ ħaddieħor. Il-bidla m’għandix bżonn tkun xi ħaġa kbira li rridu nagħmlu. Tista’ tkun biss bidla ċkejkna fl-attitudni tagħna, jew bil-mod kif aħna nġibu ruħna ma l-oħrajn. Hekk l-oħrajn jindunaw bil-bidla fina u jaħsbu biex jinbidlu huma wkoll.

Meta nikbru ftit ieħor nibdew ukoll naħsbu kif nistgħu nibdlu d-dinja, imma l-verita tibqa’ li rridu nkunu aħna l-bidla. Kull bidla tibda fina. Tibda bi ħwejjeġ żgħar – li nitbissmu aktar, li ngħinu aktar, li naħsbu b’mod pożittiv u ma nippretendux ħlas lura.

Migjub lilkom b’kollabrazzjoni ma’  Gestalt Psychotherapists:

1. Geraldine Borg, ger_b_202@yahoo.com / 7932 4008

2. Nadine Castillo, nadinecastillo13@gmail.com / 9945 2436  

3. Karen Schranz. karenschranz@yahoo.com / 9942 8395