X’inhu cyber-bullying

Cyber-bullying huwa tip ta’ bullying li jsir permezz ta’ mezzi teknoloġiċi (kompjuters, midja soċjali u smartphones, fost affarjiet oħra). Jista’ jsir ukoll permezz ta’ instant messaging, webcams, siti ta’ gaming, e-mail, chat rooms u apps bħal WhatsApp, Snapchat u oħrajn. Il-konsegwenzi tas-cyber-bullying jistgħu jkunu serji ħafna u jistgħu jinkludu diffikultajiet fit-tagħlim u fl-emozzjoni.

Tifsiriet

Bully”    Dan huwa persuna li jweġġa’ lil ħaddieħor b’mod ripetut u apposta. Dawn il-persuni jistgħu jużaw diskors li jweġġa’ jew tixrid ta’ affarjiet foloz dwar ħaddieħor. Dan isir biex il-bully jħossu dominanti u rispettat minn ta’ madwaru. Xi drabi, il-bullying isir fi gruppi fejn nies oħra jissieħbu miegħu biex jimpressjonawh jew għax jibżgħu minnu.

“Il-vittma”    Il-vittma huwa dak li jċedi lill-bully u juri li qiegħed iħossu intimidat bl-aġir tal-bully. Ħafna drabi, nies li jkunu qed jaraw x’inhu jiġri ma jiddefendux lill-vittma u lanqas jirrapurtaw xi jkun ġara. Madankollu, il-vittmi xorta waħda jistgħu jiddefendu rwieħhom billi jirrispondu b’mod assertiv, iġibu lil min jappoġġjahom u jirrapurtaw dak li jkun ġara.

Bystander”    Bystander huwa persuna li jkun qed jara x’qed jiġri imma ma jagħmel xejn biex iwaqqfu. Meta jkunu qed jaraw x’qed jiġri, jistgħu jkunu qed jgħinu lill-bully billi mingħajr ma jafu, jkunu udjenza u joqogħdu kwieti. Jistgħu ukoll jinkoraġixxu lill-bully biex ikompli jew billi jissieħbu miegħu. Dawn il-bystanders jistgħu jgħinu biex jitwaqqaf il-bullying billi jew jitkellmu huma stess jew jirrapurtaw dak li jkun qed jiġri.

cyberbullyingX’jiġri fis-cyber-bullying?

  • Is-cyber-bullying għandu bżonn forma ta’ teknoloġija;
  • Jista’ jsir kull ħin u anki f’postijiet fejn il-vittma normalment iħossu sigur;
  • Dan ifisser li l-bully jkun daħal fl-ispazju personali tal-vittma;
  • Jista’ jkun hemm udjenza kbira;
  • Il-bully jista’ jaħseb li ħadd ma jaf min hu. Dan mhux minnu għax messaġġi elettroniċi dejjem iħallu traċċi;
  • Xi drabi, dan kollu jibda bħala ċajta goffa fejn wieħed jinjora l-emozzjonijiet ta’ ħaddiehor;
  • Is-cyber-bullying jista’ jdum għaddej żmien twil mingħajr ħadd ma jinduna;
  • Kemm il-vittma kif ukoll min jara x’inhu jiġri jistgħu jagħmlu xi ħaġa biex iwaqqfu dan kollu.

Għalhekk, huwa important ħafna li l-vittmi tas-cyber-bullying ikunu jafu x’għandhom jagħmlu.

Żomm ruħek sigur

L-internet għandu jiġi wżat b’mod responsabbli. Wieħed m’għandux itella’ ritratti jew kitbiet li fil-futur jiddispjaċih li jkun tella’. Għalkemm jista’ jkun li wieħed jafda, dawn l-affarjiet jistgħu jispiċċaw f’idejn nies li ma jixtiqulniex ġid.

  • Qatt tagħti passwords jew user names;
  • Tpoġġix affarjiet bħall-indirizz u n-numri tat-telephone jew mobile fuq il-profile tiegħek;
  • Oqgħod attent x’ritratti ttella’ u x’tgħid fuq il-midja soċjali;
  • Ittellax ritratti li jimbarazzaw lilek jew lil ħaddieħor;
  • Tkellem ma’ sħabek dwar dan kollu.

Iktar informazzjoni tista’ tinstab fuq il-website http://www.besmartonline.org.mt/.

X’tista’ tagħmel jekk int vittma tas-cyber-bullying?

  • Żomm l-evidenza – Tħassarx stampi jew messaġġi. Jekk tħassarhom, tkun qed titlef kull prova kontra l-bully.
  • Tkellem – Jekk ma titkellimx, tkun qiegħed tgħin lill-bully biex ikompli l-aġir tiegħu. Tista’ titkellem m’għalliem jew counsellor li tafda, jew ma ġenitur. Tista’ wkoll titkellem ma’ xi ħabib/a li tafda. Jekk titkellem ma’ ħabib/a, oqgħod attent li dawn mhux se jmorru jgħidu lill-bully. Tista’ tirrikorri għand Kellimni.com, fejn tkun megħjun/a ssir iktar assertiv, tikkontrolla r-rabja u tgħolli l-istima tiegħek innifsek.
  • Block – Ħassar lill-bully mill-kontijiet tal-midja soċjali tiegħek sabiex tnaqqas il-possibilità li jikkuntattjak.
  • Żomm il-kalma – Għalkemm tkun irrabjat, tippruvax tpatti.
  • Fl-iskola – L-iskejjel f’Malta u Għawdex għandhom responsabbiltà biex jassiguraw li l-istudenti huma siguri. Dan jinkludi wkoll li ma jkunux bullied. Jekk int vittma, tkellem ma’ xi ħadd li tafda – ġenitur jew għalliem.
  • Cybercrime Unit – Din hija taqsima tal-Pulizija li tinvestiga attivita li ssir permezz tat-teknoloġija. Huma jistgħu jidentifikaw il-bully. Kull ma’ jsir b’mezzi elettroniċi jħalli t-traċċi li l-Pulizija jistgħu jsibu.
  • ChildWebAlert Hotline – Dan huwa servizz sigur u kunfidenzjali immexxi minn Aġenzija Appoġġ bi sħab ma’ BeSmartOnline u organizzazzjonijiet oħra. ChildWebAlert jirċievi u jinvestiga rapporti t’abbuż tat-tfal li jsir online. Inti tista’ tirrapporta affarjiet bħal kitba, stampi u videos fejn hemm it-tfal hawn: www.childwebalert.gov.mt
  • Kun ċajtier dwarek innifsek – Jekk qed tiġi bullied minħabba kif titkellem jew kif timxi jew minħabba xi ħaġa fiżika, tiddejjaqx tidħak inti stess. Il-bully jinkik dwar dawn l-affarjiet għax jaf li jista’ jweġġgħek. Jekk inti stess tidħak dwar dawn l-affarjiet tiegħek, il-bullying jieqaf għax int ma tkunx għadek qiegħed tweġġa’.
  • Kun af lilek innifsek – Żomm lista tal-affarjiet li int tajjeb fihom jew tal-affarjiet li jogħġbuk dwarek u dwar il-ħajja tiegħek. Żommhom fejn tista’ taqrahom kuljum. Din il-lista tista’ tinkludi, per eżempju, li int taf tkun ħabib tajjeb, li int bniedem mużikali, li int tħobb tgħin lil ħaddieħor, u affarjiet pożittivi oħra.
  • Ħobb lilek innifsek – M’hemm xejn ħażin dwarek. Is-cyber-bullying ma jsirx għax int għandek xi ħaġa ħażina. Kun komdu bik innifsek u ħaddieħor ikun ukoll.

X’tista’ tagħmel jekk qed tara jew rajt cyber-bullying isir?

  • Tkunx passiv. Agħraf li dan mhux sewwa.
  • Agħti sapport lill-vittma. Isimgħu/ismagħha u għinu jirrapporta.
  • Ħeġġeġ lill-vittma jżomm stampi u messaġġi bħala prova tas-cyber-bullying.