Mur lura lejn tfulitek għal ftit sekondi u aħseb fl-ewwel jiem tiegħek l-iskola. Aħseb ftit f’dawk il-jiem ta’ buri meta joħdulek il-libertà tas-sajf u jġegħluk tpoġġi bilqiegħda għal sigħat twal fi klassi tagħli u li tifga fiha.  Issa aħseb fis-sabiħ ta’ dawk il-jiem. Aktarx li l-ewwel ħaġa li ġġib quddiem għajnejk hija l-wiċċ ta’ xi ħabib antik. Mindu nkunu tfal il-ħbieb huma dawk li ħajjitna jimlewielna u jdawluhielna. L-esperjenzi tagħna jieħdu dimensjoni ġdida meta naqsmuhom ma’ dawk li nħossuna qrib tagħhom.

Iżda l-ħbiberiji faċli tiffurmahom?  It-tweġiba hija LE. Filwaqt li għal xi wħud minna huwa faċli li nibbondjaw, għal oħrajn “li tagħmel il-ħbieb” huwa kompitu diffiċli u li jqabbad l-ansjetà. “Tgħid se nogħġobhom?”, “Tgħid iriduni?” jew “Tgħid tajjeb biżżejjed biex inkun magħhom?” huma mistoqsijiet li jaħkmuna sakemm (b’naqra xorti) nsibu xi ħabib li jassigurana kemm jaċċettana.

Għal dawk li għadhom ibatu biex jagħmlu l-ħbieb, Niżżilna dawn is-suġġerimenti li jgħinu biex din l-avventura tal-ħajja teħfief xi ftit.

L-ewwel trid tkun ħabib tiegħek innifsek.

Kif taħdem il-biċċa? Il-psikoterapisti jisħqu li l-ħbieb li tagħżel jirriflettu l-ħsibijiet l-iktar profondi dwarek innifsek. Jekk inti temmen li jixraqlek l-aħjar, li tixraqlek l-imħabba u li tixraqlek il-kumpanija tal-oħrajn, hemm ċans tajjeb li se ssib ħbieb li jagħtuk dak li inti tistenna mingħandhom. Jekk inti jkollok opinjoni baxxa tiegħek innifsek, hemm ċans ikbar li tattira nies li moħħhom biex jikkritikawk jew li mhux serji fl-impenn tagħhom lejk. Meta niġu għall-ħbiberiji, se tirċievi dak li inti temmen li ħaqqek.

Uri interess.

Kif tħossok meta xi ħabib/a jinvażawk bl-attenzjoni? Tħoss li għandek valur, tħossok maħbub u tħoss li qed jieħdu ħsiebek.  Dawn huma kollha ħsus sbieħ li jiġġeneraw iktar enerġija pożittiva fil-ħbiberija tiegħek. Huwa dan ukoll dak li trid tagħti lill-ħaddieħor. Tajjeb tibni relazzjoni mal-oħrajn billi turi interess fl-esperjenzi, l-opinjonijiet, il-ħsibijiet u l-ħsus tagħhom.  Se togħġobhom jekk tagħmel dan u hemm iktar ċans li jfittxu l-kumpanija tiegħek.

Ħu l-inizjattiva int. 

Kun inti li tissuġġerixxi attività fejn tkunu flimkien, bħal xi mixja, xi għawma jew xi kafè.  Għall-bidu dan jaf iġegħlek tħossok skomdu/a iżda huwa importanti li tagħmel l-ewwel pass meta qed tipprova tagħmel ħbieb ġodda. Ħaddieħor jaf ikun għaddej mill-istess dilemma u jekk tagħmel l-ewwel pass inti tkun qed tgħin biex titlaq dik l-iskumdità.

Tiġġudikax

It-tentazzjoni li turi x’taħseb dwar l-istil tal-ħajja tal-oħrajn jaf tkun kbira. Oqgħod lura milli tagħmel dan.  Tista’ ma’ taqbilx ma’ xi ħabib, iżda oqgħod attent dwar kif u meta titkellem dwarhom. Kelma żejda tista’ ġġiegħel lill-oħrajn iħossuhom ġudikati u kritikati.  Jaf jieqfu jafdawk bil-ħsus u l-ħsibijiet l-iktar profondi tagħhom. Il-ħbiberiji jinbnew fuq kemm naraw u naċċettaw lill-oħrajn eżatt kif inhuma.

Kun Open

Tiftakar meta xi ħabib/a weġġgħuk? Ħafna minna jġorru esperjenzi ta’ wġigħ, ta’ twarrib u ta’ tradiment mill-ħbieb. Tħallix dawn l-esperjenzi jżommuk lura milli tibqa’ tipprova. Tgħallem irriskja ftit.  Iftaħ qalbek għall-oħrajn, u ħallihom isiru jafuk u aqsam magħhom il-ferħ u n-niket tiegħek. Iktar minn hekk, urihom il-ħbiberija tiegħek magħhom xi tfisser għalik.

Lil sħabek tihom il-wisa’

Filwaqt li l-attenzjoni fi ħbiberija hija sabiħa, ħafna attenzjoni tista’ teqridha. Il-ħbieb iridu jagħtu każ ukoll ta’ affarijiet oħra importanti f’ħajjithom, inkluż il-familja, ix-xogħol u l-ħin liberu. Tihom l-ispazju biex jieħdu ħsieb l-affarijiet tagħhom. Jekk tistenna wisq ħin u attenzjoni ħafna drabi tgħejjih lil dak li jkun. Stieden lil xi ħadd u jekk dak li jkun ikollu x’jagħmel, issuġġerixxi data jew ħin ieħor.

Taqtax qalbek!

Li tagħmel ħbieb ġodda mhux faċli, u jaf tibża’ xi ftit. Tista’ tagħmel dak kollu li suppost u xorta ħaddieħor ma jirreaġixxix kif suppost. Taqtax qalbek.  Bosta huma dawk li ma jkunux hemm għax ikunu għaddejjin bil-ġlidiet personali tagħhom.  Meta tiltaqa’ ma’ xi ħadd li jirrifjutak, twaħħalx fik innifsek, iżda kun kuntent/a li ppruvajt u għaddi għal xi ħadd ieħor.

Kellimni.com kif tgħin biex wieħed jagħmel u jżomm il-ħbieb?

Aħna ninsabu hawn biex nisimgħuk u nappoġġawk fi kwalunkwe problema li tkun għaddej/ja minnha. Jekk tħossok frustrati u diżappuntati dwar il-ħbiberiji tiegħek, ħossok liberu/a li tiġi tkellimna.  Flimkien mal-operaturi tagħna se nkunu nistgħu nesploraw dak li qed jiġri f’ħajtek u nisbu modi kif inti tkun tista’ tibni pontijiet b’saħħithom u ta’ valur mal-oħrajn.