X’inhu l-iżvilupp personali li tant nisimgħu dwaru?

L-ewwel ħaġa li tiġina f’moħħna meta nisimgħu l-frażi ‘żvilupp personali’ hu dak kollu li nixtiequ nilħqu u niksbu f’ħajjitna; dawk is-suċċessi short term jew long term, aktarx u ġeneralment relatati mal-edukazzjoni, max-xogħol u mal-ħajja soċjali tagħna. Ħafna drabi, ninsew li aħna bħala bnedmin, il-personalità tagħna tirrikjedi importanza kbira u speċifikata sabiex timmatura u tiffjorixxi, għax nonqsu milli nirrealizzaw dan lil hinn mis-suċċessi kwantifikati bl-edukazzjoni, bix-xogħol u bil-ħajja soċjali tagħna. Infatti, il-kura personali aktarx inwarrbuha għax inqisu dak li timponi fuqna s-soċjetà bħala prijorità fuq kollox.

Dan l-iżvilupp personali jiddependi ħafna fuq dawk il-valuri li ġejna mrobbijin bihom u dawk li jmexxuna fil-ħajja, anke jekk kultant, dawn l-istess valuri, mhux neċessarjament jiggwidawna fil-modi ta’ għajxien. Ċerti valuri jistgħu jkunu riġidi, oħrajn huma ta’ standard għax huma importanti għalina nfusna, u forsi xi valuri oħra huma imposti fuqna mingħajr ma nkunu konxji ta’ dan.

Hija l-bidla personali għall-aħjar, minkejja li d-diffikultajiet kollha, biex permezz tagħha nwessgħu l-limitazzjonijiet li jżommuna magħluqa fiż-żona komfortabbli tal-ambitu li nkunu trabbejna fiha.

Il-pass li jmiss…

Mela, jekk forsi tixtieq taħdem fuqek innifsek, għandek tieqaf ftit u tanalizza l-qagħda personali waqt li tagħraf x’ambizzjonijiet għandek u kif tista’ tilħaqhom. Il-bidla ġġib magħha l-biżgħat u l-isfidi, minħabba ċerti inċertezzi li kull wieħed u waħda minna ngħaddu minnhom u anki xi pressjoni żejda li għandna tendenza nitfgħu fuqna għalxejn. Għalkemm din taf tinħass paradossali, din hija l-qawwa li biha naħkmu kull sens ta’ setgħa personali.

Infatti, li naħsbu dwar dawn il-bidliet huwa, minnu stess, att ta’ kuraġġ li jsostni enerġija personali għall-bidla. Naturalment, bħal kwalunkwe bidla hemm ir-riskji u l-biżgħat. Imma li nkunu kuraġġużi f’perjodu fejn nieħdu deċiżjonijiet importanti permezz ta’ setgħetna, hija indikazzjoni realistika ta’ personalità li qiegħda timmatura u tikber.

Dan qatt mhu faċli! Ħafna jibżgħu minn dan il-pass għax waqt dan il-proċess se tanalizza u tagħraf il-personalità tiegħek b’dak li anke jista’ ma jolqtokx b’mod pożittiv. Imma, wara kollox, din l-attitudni awtoriflessiva u awtoanalitika ssaħħaħ l-individwalità tagħna aħna u nħarsu ’l quddiem. Din tiġi mill-fatt li naċċettaw l-isfidi kollha, pożittivi u negattivi, li nsibu quddiemna tul din il-bidla fina.

Kif tista’ tagħmel dan?

Hemm erba’ fatturi li huma importanti u essenzjali biex wieħed jgħin lilu innifsu fl-iżvilupp personali: it-tagħlim personali, l-iżvilupp tal-kuraġġ meħtieġ, id-deċiżjoni għall-pass li jmiss, u fuq kollox id-determinazzjoni li tilħaq dan kollu.

  • Tagħlim personali: Dan hu l-mument fejn inti mistenni tifhem u tagħraf fejn tinsab f’ħajtek; kif l-emozzjonijiet jaffettwaw ħajtek u kif tesperjenzahom; kif iġġib ruħek f’waqtiet ta’ rabja, ta’ sodisfazzjoni, ta’ kuntentizza u l-bqija. Bażikament, huwa proċess ta’ tagħlim formattiv dwar il-personalità tiegħek stess.
  • Il-kuraġġ meħtieġ: Wara li tkun għaraft aktar il-personalità tiegħek u kif tikseb aktar is-setgħa personali, il-kuraġġ u l-aċċettazzjoni li tilqa’ l-bidla tal-proċess fl-iżvilupp personali huwa strumentali. Dan il-kuraġġ meħtieġ huwa essenzjali għaliex il-vjaġġ li fih timrah u tiżviluppa l-personalità tiegħek mhux dejjem huwa pożittiv, imma jaf ilaqqgħek ma’ esperjenzi ta’ qtigħ il-qalb. Li tipprepara lilek innifsek għal dak kollu li tista’ tiffaċċja huwa kritiku. Ftakar fil-kwotazzjoni dwar il-vulnerabilità, din taf issaħħek u tispirak f’daqstant diffikultajiet.
  • Id-deċiżjoni għall-pass li jmiss: Li tilħaq dan l-istadju huwa pass naturali wara li tkun sibt il-kuraġġ fik innifsek. Wara li taċċetta li tfittex dan il-vjaġġ ta’ żvilupp personali  biex timraħ b’mod olistiku, m’hemm xejn aħjar milli tieħu l-pass neċessarju li jwasslek għall-bidla, hija żgħira kemm hi żgħira, dejjem jekk tkun tfajt qalbek u moħħok għaliha.
  • Id-determinazzjoni: It-tliet punti msemmija hawn fuq huma magħġuna mad-determinazzjoni u l-motivazzjoni li bihom tilqa’ kull saram. Is-setgħa personali tiegħek għandha tkun il-forza intrinsika li twassal għall-kisba tal-iżvilupp personali.

Allura kollox jiddependi minn dawn l-erba’ stadji?

Kieku jkollna nħarsu lejn il-ħtieġa u dak kollu li hemm bżonn biex wieħed jiżviluppa b’mod personali fid-dell ta’ dawn l-erba’ elementi, il-kisba fit-twettiq innifsu taf tidher possibbli. Madankollu, fir-realtà l-ħajja toffri ħafna sfidi f’dak kollu li niffaċċjaw! L-emozzjonijiet tagħna, ċerti burdati u xi esperjenzi flimkien mal-ambitu tagħna kollha għandhom effett enormi fuqna. Imma li tħares lejn dan kollu bħala opportunità biex nikbru personalment u nsaħħu s-setgħa personali tagħna, xejn ma għandu jżommna milli nilħqu l-milja tal-personalità anke jekk din l-istess idea taf tkun assorbita u għaldaqstant timmatura u tinbidel minn żmien għal żmien.

Dan il-proċess ma jintrabatx ma’ perjodu, iżda huwa imsejjes fuq esperjenzi kontinwi li jiddependu fuq kemm lesti nimirħu fil-wesgħat kollha possibbli quddiemna.

Awguri f’kull passaġġ li timraħ fih, għaliex huma dawn il-passaġġi li jsenslu l-vjaġġ ta’ ħajjitna.