L-aħħar sentejn ta’ ħajti kienu terribbli. Mindu sseparaw il-ġenituri u ommi ddeċidiet li ssolvi l-problemi li għandha bl-alkoħol, bħal donni qed ngħix f’toqba kbira sewda u qed insibha diffiċli li nistabbilixxi pjan għall-futur jew li nara xi valur f’ħajti.
Qabel kont inqisni bħala tifla xortija tajba, b’ħafna ħbieb, passatempi u marki eċċellenti l-iskola. Jien u nikber bdew jiżdiedu l-problemi u ċ-ċirku ta’ ħbieb madwari beda dejjem u dejjem jiċkien. Kont inħoss id-dinja kollha kontrija u li m’għandi ‘l ħadd jappoġġjani. Inqtajt minn mal-oħrajn u kont nevita avvenimenti ma’ nies oħra, bħal meta jsir xi party jew norqdu għand xi ħadd. Għalfejn noqgħod ninħela meta ħadd ma kien jifhimni? Nippreferi nqatta’ n-nofstanhari u l-weekends tiegħi waħdi nara t-TV jew naqra t-thrillers, milli niltaqa’ man-nies jew noħroġ.
Darba kienet ġurnata kiesħa u bix-xita, u bdejt naqra ktieb ġdid li kont għadni kemm xtrajt ftit jiem qabel. Kont dħalt fl-istorja sew u kienet l-ewwel darba li ħassejtni mifhuma. Kienet dwar il-ħajja ta’ tifla mdejqa li tħossha waħidha, eżatt bħali. Identifikajt ruħi magħha. L-aħħar kapitlu tal-ktieb ixxukkjani. Ma kienx hemm tmiem feliċi għall-protagonista. Kienet imxebbgħa b’ħajjitha u ddeċidiet li toqtol ruħha b’idejha. Din il-persuna, għalkemm waħda virtwali, li bis-saħħa tagħha ħassejtni mifhuma, mietet.
Minn dakinhar ’l hawn bdejt naħseb iktar u iktar dwar is-suwiċidju. Għall-bidu kont biss kurjuża u xtaqt inkun naf aktar dwaru. Iżda wara ftit ġimgħat sirt ossessjonata b’dan is-suġġett u ma stajtx nieqaf naħseb dwaru. Kont nimmaġina kif kienet se tkun id-dinja ladarba nħalliha warajja u kont ċerta li ħadd ma kien se jimpurtah mill-mewt tiegħi. Kien ikun bħal speċi ta’ serħan għalija li ntemm il-ħajja miżera u inutli tiegħi, u allura bdejt nippjana s-suwiċidju tiegħi. Ridt mewta malajr u mingħajr uġigħ, u xtrajt pakkett kbir pilloli tal-irqad u mort fil-kamra tal-banju. Ħarist lejja nnifsi, biċ-ċrieki suwed taħt għajnejja u l-wiċċ eżawst tiegħi. Tgħid hija d-deċiżjoni t-tajba? Sabiex nikkonvinċi lili nnifsi għamilt sinjal ta’ iva b’rasi waqt li nħares lejn ir-rifless tiegħi fil-mera, u poġġejt il-pilloli f’idejja.
Dak il-ħin eżatt nara lil xi ħadd warajja. Inħares fil-mera u nara lil ommi wieqfa. Kienet qed tiċċassa lejja, b’ħarsa ta’ biża’ u ta’ paniku f’għajnejha. Ħsibt li kienet se taqbad tgħajjat jew li kienet se ttini xi daqqa ta’ ħarta bħalma għamlet ħafna drabi qabel, iżda minflok infexxet tibki u għannqitni magħha b’saħħa. Għamilna hemm iktar minn nofsiegħa, mqabbdin ma’ xulxin. Ommi talbitni ngħidilha għalfejn ridt noqtol lili nnifsi. U jien spjegajtilha li kont qed inħossni inutli u li ma kien hemm ħadd li jimpurtah mill-preżenza tiegħi. “Imma għażiża,” qaltli, “jien jimpurtani minnek! Inti l-unika ħaġa li fadalli f’ħajti. Anki jien ħsibt spiss fis-suwiċidju, fallejt wisq f’ħajti. Iżda mbagħad kont niftakar fik u f’kemm mhux sew li nħallik waħdek. Emminni, dejjem hemm raġuni għalxiex jaqbillek tibqa’ ħajja.”

– by Zerina Smaijc

Is-Suwiċidju – Informazzjoni u parir
L-adoloxxenti jgħaddu minn żmien ta’ eċitament u ta’ skoperti, iżda dan jista’ jkun ukoll żmien ta’ konfużjoni u ansjetà kbira. Isibu ruħhom taħt pressjoni biex jappartjenu soċjalment, biex jaġixxu b’mod responsabbli, biex jesprimu l-bżonn tagħhom għall-individwalità li ta’ spiss joħloq kunflitt mar-regoli u l-aspettattivi tas-soċjetà li jistabbilixxu l-kbar.
Ħafna adoloxxenti ma jemmnux li għandhom netwerk b’saħħtu ta’ appoġġ magħmul minn ħbieb, mill-familja, minn gruppi ta’ żgħażagħ bħalhom u minn attivitajiet extrakurrikulari; u dik hija r-raġuni għaliex ħafna drabi jħossuhom maqtugħin u iżolati mill-bqija. Hawn ikunu f’riskju elevat li jikkommettu suwiċidju.
Qed naħseb biex intemm ħajti…

  1. Aqsam il-ħsibijiet u l-ħsus tiegħek ma’ adult li tafda – Hemm għażliet oħra minbarra s-suwiċidju: li taqsam l-ideat tiegħek ma’ adult li tafda, bħal xi ħadd jiġi minnek, jew xi għalliem, counsellor l-iskola jew xi ħabib; dan jista’ jgħinek tesplora għażliet oħra, u r-raġuni għaliex qed tħossok hekk. Jekk ma tixtieq titkellem ma’ ħadd dwar kif qed tħossok, ipprova niżżel il-ħsibijiet tiegħek fuq karta u għaddiha lil xi adult li tafda. Tista’ ċċempel ukoll fuq 179 jew ir-Richmond Foundation fuq 21482336 jew tiċċettja jew tibgħat mail lil Kellimni.com. Dawn is-servizzi jistgħu jagħtuk l-appoġġ li teħtieġ billi jgħinuk tifhem aħjar x’int tħoss u taħseb, u jgħinuk tesplora l-għażliet tiegħek.
  2. Jekk tinsab f’periklu imminenti kkuntattja s-Servizz ta’ Intervenzjoni fi Kriżi (Crisis Intervention Service) fuq 25453950 (mit-Tnejn sal-Ħadd mis-7am sal-5.30pm) jew fuq 112 (24/7).

Kif tista’ tinduna jekk persuna adoloxxenti hijiex f’riskju ta’ suwiċidju?

Dawk li jkunu qed jikkunsidraw itemmux ħajjithom jistgħu jgħaddu diversi messaġġi bl-intenzjonijiet tagħhom. Dawn huma xi wħud minnhom. Il-persuna:

  • tħossha bla skop, imfixkla, ħatja, imdejqa għall-aħħar u ma tiswa għal xejn
  • tbati biex tikkonċentra, jew il-kwalità ta’ xogħolha tmur lura
  • ta’ spiss tikkummenta b’sintomi fiżiċi
  • m’għandhiex netwerk ta’ appoġġ, ta’ spiss tidher iżolata soċjalment
  • diġà ppruvat tikkommetti suwiċidju
  • hija vittma ta’ abbuż sesswali jew fiżiku (fil-passat jew fil-preżent)
  • għaddiet minn xi avveniment trawmatiku riċenti
  • tbati minn xi diżordni psikoloġika, speċjalment dipressjoni
  • ġġib ruħha b’mod vjolenti jew ribelluż (taħrab, tixrob l-alkoħol, tikkonsma d-drogi,…)
  • turi fissazzjoni fuq il-mewt fil-mod kif titkellem, tikteb jew tpinġi dwarha
  • turi bidla fir-rutina tal-ikel u tal-irqad tagħha
  • taqta’ l-kuntatt mal-ħbieb, mal-familja u mal-attivitajiet regolari li kellha
  • tieqaf tieħu ħsieb tal-apparenza tagħha
  • tirrifjuta kull kumpliment jew rigal

Il-ħabib jew il-ħabiba tiegħi donnhom qed jikkunsidraw jagħmlu suwiċidju
Jekk għandek xi ħabib jew ħabiba jew taf li xi ħadd li jaf qiegħed jikkunsidra li jtemm ħajtu, hemm numru ta’ affarijiet li inti tista’ tagħmel biex tgħinhom jerġgħu jaħsbuha.

  1. Il-persuna titkellem dwar is-suwiċidju.  ĦUDHOM BIS-SERJETÀ. Ħafna żgħażagħ neħħew ruħhom b’idejhom meta n-nies ħasbu li dak li kienu jgħidu dwar is-suwiċidju ma kienx minnu, jew kienu jqisuh biss mod kif jiġbdu l-attenzjoni; qatt tinjora kummenti suwiċidali jew tħalli persuna suwiċidali waħidha.
  2. Lill-persuna uriha li inti inkwetat għaliha. Uriha li taħseb fiha, u li inti tinsab hemm biex tgħinha. Staqsiha jekk hix taħseb dwar is-suwiċidju u jekk għandhiex xi pjanijiet: meta titkellem magħha dwar is-suwiċidju ma tkunx qed tħeġġiġha tieħu azzjoni. Li tistaqsiha jkun ifisser li qed turiha li jimpurtak minnha, u tkun qed tippermettilha titkellem dwar dak li tħoss u dak li taħseb – l-ewwel pass lejn l-għajnuna. Jekk il-persuna involuta ma tkunx tixtieq titkellem miegħek dwar dan, ħeġġiġha tesprimi ruħha billi tiktiblek ittra jew billi tiċċettja miegħek online. Tista’ tinqeda b’dawn is-sentenzi biex tibdielha d-diskors:
    • “Dan l-aħħar kont imħasseb dwarek.”
    • “Innutajt li nbdilt xi ftit dan l-aħħar, u xtaqt inkun naf kif inti.”
    • “Xtaqt inkun naf kif inti għax dan l-aħħar ma tantx rajtek f’siktek.”
    • “Ġara xi ħaġa li qed iġġiegħlek tħossok hekk?”
    • “Kif nista’ nkun ta’ appoġġ għalik bħalissa?”
    • “Qatt ħsibt jekk għandekx tfittex l-għajnuna?”
    • “M’intix waħdek. Jien qiegħed hawn għalik.”
    • “Jiena ma nafx kif qed tħossok bħalissa, iżda jimpurtani minnek u rrid ngħinek.”
    • “Meta taqta’ qalbek għalkollox, għid lilek innifsek li se tipprova ttawwal ftit ieħor, imqar ġurnata oħra, siegħa oħra, minuta oħra…ara kemm tkun tiflaħ.”
  3. Ħu azzjoni u sib l-għajnuna minnufih. – Għidilha li hemm għażliet oħra minbarra s-suwiċidju. Twegħedhiex li se żżomm il-ħsibijiet jew il-pjanijiet suwiċidali tagħha sigriet. Tassumix li se tmur għall-aħjar mingħajr għajnuna jew li se tfittex l-għajnuna weħidha.
  4. Ħeġġiġha tfittex għajnuna professjonali – Agħmel appuntament ma’ tabib tal-familja u offri li takkumpanjaha. Ikkuntattja l-counsellor tal-iskola, xi għalliem, xi membru tal-familja jew xi ħabib adult. Ikkuntattja xi helpline bħal Kellimni.com. jew 179 għall-informazzjoni u parir, jew lir-Richmond Foundation fuq 21482336 għall-appoġġ.
  5. Staqsiha dwar kif beħsiebha tagħmel suwiċidju. Iċċekkja jekk hix kapaċi twettqu l-pjan tagħha. Għandha ħin, post u metodu? Warrab kull aċċess għall-oġġetti li tista’ tuża biex tweġġa’ lilha nnifisha.
  6. Ħu ħsieb tiegħek innifsek. Emozzjonalment titlob ħafna minnek li tkun ta’ għajnuna għal xi ħadd suwiċidali. Sib lil xi ħadd ma’ min tista’ tiftaħ qalbek, bħal tal-familja, ħbieb jew xi helpline.

Ħabib jew ħabiba għadhom kemm ipprovaw jagħmlu suwiċidju – X’għandi nagħmel?

  1. Tippanikjax
  2. Tkellem mal-persuna fil-periklu – Iġbor kemm tista’ informazzjoni sabiex il-professjonisti jkunu jistgħu jgħinuk bl-aħjar mod. Staqsi dwar kif il-persuna ppruvat ittemm ħajjitha (il-metodu li użat). Huwa importanti li tistaqsi jekk il-persuna tinsabx waħidha. F’każ li ma tkunx, itlob lill-individwi li jkun hemm magħha biex iżommuha mqajma.
  3. Ċempel lill-Crisis Intervention Service fuq 2545 3950 (mit-Tnejn sal-Ħadd bejn is-7am u l-5.30pm) jew lis-Servizz tal-Emerġenza 112 (24/7). Għidilhom li l-persuna għadha kemm ippruvat tagħmel suwiċidju u li teħtieġ l-għajnuna.

Ħabib jew ħabiba għadhom kif għamlu suwiċidju – Kif se ngħaddi minnha din il-fażi?
Xi kultant, anki meta titlob l-għajnuna u jintervjenu l-adulti, jista’ jkollok xi ħabib jew kollega fil-klassi li jipprova, jew li jirnexxilu jagħmel suwiċidju. Meta jiġri hekk, hemm firxa kbira ta’ emozzjonijiet li ngħaddu minnhom. Xi żgħażagħ iħossuhom ħatja – speċjalment meta jħossu li setgħu ntebħu bil-ħsibijiet u l-azzjonijiet tal-persuna aħjar. Oħrajn iħossuhom irrabjati lejn il-persuna, talli għażlet li tagħmel xi ħaġa daqstant egoista. Oħrajn jaf ma jħossu xejn – ikunu qed ibatu wisq fil-luttu tagħhom biex jifhmu dak li jkunu qed iħossu.
Meta xi ħadd jipprova jagħmel suwiċidju, dawk li jkunu jafu l-persuna jaf iħossuhom beżgħana jew skomdi jitkellmu dwar il-persuna. Ipprova għelibhom dawn l-emozzjonijiet ta’ skumdità – jiġi żmien fejn wieħed bilfors ikollu bżonn jitkellimhom dawn l-affarijiet.
Jekk qed issib diffikultà biex tikkowpja mas-suwiċidju ta’ xi ħabib jew ħabiba, jew ta’ xi kollega fil-klassi, l-aħjar titkellem ma’ xi adult li tafda, bħal xi għalliem, counsellor tal-iskola, jew xi ħadd tal-familja. Il-luttu u d-dieqa wara l-mewt ta’ xi ħabib minħabba s-suwiċidju huwa normali. Imma meta dak id-dwejjaq jibda jtellfek mill-ħajja ta’ kuljum tiegħek, huwa sinjal ċar li għandek bżonn titkellem ma’ xi ħadd dwar dak li qed tħoss.