Tħoss li int altruwist? Tinkwieta dwar ħaddieħor? Taħseb li tista’ timmotiva lil ħaddieħor? Tħoss li int kapaċi ttejjeb il-ħajja ta’ ħaddieħor?

Jekk it-tweġiba hija “IVA”, aktarx li int perfett biex tagħmel volontarjat.

X’inhu x-xogħol volontarju?

Xogħol volontarju huwa dak kollu li jinvolvi kontribut fil-komunità. Jinvolvi l-promozzjoni tal- valuri tal- komunita’ per eżempju ħidma sabiex jintlaħqu għanjiet komuni, għaqda soċjali, inklużjoni u soċjetà gusta. F’Malta, x-xogħol volontarju huwa attiv u importanti f’diversi oqsma tas-soċjetà bħall-edukazzjoni, l-qasam taż-żgħażagħ, il-kultura, l-isport, is-saħħa, il-kura soċjali, l-għajnuna umanitarja u oqsma oħrajn.

X’hemm fil-volontarjat li għandu jħajjar liż-żgħażagħ?

Il-volontarjat huwa meqjus bħala mezz għall-iżvilupp tas-soċjetà. Il-possibilità li ngħinu lil xulxin tinżera’ fina minn età żgħira permezz tal-iskejjel kollha li jgħallmu l-valur tat-tagħlim u tal-kontribut lura lis-soċjetà. Għalhekk huwa importanti li wieħed jiffoka fuq l-aspetti pożittivi tal-volontarjat.

–          Il-volontarjat jinvolvi l-esperjenza ta’ sens ta’ responsabbilità. Wieħed jibda jara lilu nnifsu bħala utli għas-soċjetà, u għalhekk iġiegħel lill-bniedem iħossu aħjar dwaru nnifsu.

–          Il-volontarjat huwa mezz tajjeb biex wieħed jagħmel ħbieb ġodda ma’ persuni li għandhom interessi simili. Dan jifforma l-bidu ta’ sistema ta’ networking u ħiliet soċjali li jkunu utli ‘l quddiem fil-ħajja.

–          Il-volontarjat jipprovdi vuċi fis-sens li wieħed jista’ juża l-ideat u l-ħsibijiet tiegħu biex iwettaq il-viżjoni jew l-idea tiegħu.

–          Persuna tista’ tibbenefika mill-volontarjat billi jiżdied fl-istima tiegħu nnifsu u jħossu iktar pożittiv dwaru nnifsu. Dan jgħin fl-iżvilupp ta’ viżjoni sabiħa tal-ħajja.

–          Il-volontarjat jipprovdi sens ta’ identità li twassal biex il-persuna jimmatura fl-abilità tiegħu li jieħu deċiżjoni.

–          Permezz tal-volontarjat, wieħed jista’ jħossu inqas iżolat. Il-voluntier stess jista’ jibbenefika mill-appoġġ tal-organizzazzjoni fejn iħossu megħjun meta jkun għaddej minn żminijiet diffiċli.

–          Il-volontarjat jipprovdi esperjenza ta’ xogħol li jista’ jinforma l-għażla tal-karriera li wieħed jista’ jħossu interessat li jaqbad. F’esperjenza ta’ volontarjat, persuna jista jitgħallem dwar id-dinamiċi ta’ post tax-xogħol, ix-xogħol f’tim, problem-solving u ħiliet ta’ kif wieħed jorganizza u jmexxi. Wieħed jista’ wkoll jibbenefika billi jkun espost għal kuntatti li jistgħu jgħinu jekk wieħed jagħżel li jaqbad karriera ġdida.

–          Il-volontarjat jista’ jkun mezz ta’ serħan minn ħajja mgħaġġla. Jista’ jkun dik ix-xrara li terġa’ tixgħel il-kreattività, li timmotiva lil dak li jkun u tgħinu jibni viżjoni għall-futur.

X’għandek tistaqsi lilek innifsek int u tfittex esperjenza fil-volontarjat?

Iktar ma wieħed idum volunteer, iktar jirċievi benefiċċji u sodisfazzjon minn dan. Dawn huma xi ftit mistoqsijiet li tista’ tistaqsi lilek innifsek biex issib l-aħjar tip ta’ volontarjat għalik:

–          X’oqsma jinteressaqwk l-iktar?

–          X’tieħu gost tagħmel l-iktar?

–          X’inhuma l-miri tiegħek fil-ħajja?

–          X’tip ta’ responsabbilità tixtieq tieħu?

–          Kemm tista’ tiddedika ħin fil-volontarjat?

–          Għandek mezz ta’ trasport indipendenti jew iktar tuża t-trasport pubbliku?

Iktar dwar il-volontarjat

Tista’ ssib iktar informazzjoni dwar volontarjat u opportunitajiet għall-volontarjat permezz ta’ dawn il-links:

–          Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat

http://maltacvs.org/

–          DegreePlus fi ħdan l-Università ta’ Malta

http://www.um.edu.mt/degplus/voluntary_work

–          SOS Malta

http://www.sosmalta.org/volunteering