Drogi

Forsi smajt lil min jitkellem kontra d-drogi u ħsibt bejnek u bejn ruħek li żgur li mhumiex qed jirreferu għal dawk id-drogi preskritti mit-tabib. Allura, dwar xiex qed jitkellmu? Ħafna drabi konnotazzjonijiet negattivi huma assoċjati ma’ drogi rikreazzjonali.

Mela ejja nitkellmu dwar drogi rikreazzjonali.

Drogi rikreazzjonali huma sustanzi li jittieħdu għal fini ta’ pjaċir mhux għal skopijiet mediċinali. Dawn jinkludu l-marijuana (li hemm min jirreferi għaliha bħala ħaxixa), kokaina, eroina u estasi; imma jeżistu oħajn.

 

Hemm diversi raġunijiet li għalihom wieħed jipprova u/jew kontinwament jieħu drogi rikreazzjonali:

  • Il-ħbieb qed jieħdu u għalhekk wieħed ma jkunx jixtieq li jħossu eskluż jew li mhuwiex cool.
  • Wieħed ikollu pressjoni biex jipprovaha.
  • Wieħed ikun jixtieq jesperimenta u jara x’jiġri meta jieħu d-droga.
  • Wieħed iħossu iktar rilassat u kunfidenti meta jiġi biex jikkomunika mal-oħrajn.
  • Wieħed iħossu li d-droga tgħinu jinsa l-problemi.
  • Wieħed iħossu bħallikieku d-droga tagħmlu ferħan.
  • Wieħed ikun jixtieq jirribella.
  • Wieħed jieħu pjaċir bl-effetti tagħha.

 

L-abbuż tad-droga jinvolvi riskji li jipperikolawlu l-futur qarib u anke l-futur remot. Dawn jinkludu:

  • Infezzjonijiet li jistgħu jiġu trażmessi bid-demm meta wieħed jissellef is-siringa.
  • Addiction – il-persuna tiġi dipendenti fuq id-droga u ma jkunx jista’ jiffunzjona sew mingħajrha.
  • Drogi illegali ma jkunux dejjem puri imma jkunu mħalltin, għalhekk wieħed ma jkunx jaf eżattament x’qiegħed jinjetta f’ġismu.
  • Sess mingħajr ħsieb huwa iktar probabbi li jseħħ taħt l-influwenza tad-droga.
  • Iżjed riskju li tiġi involut f’sitwazzjonijiet vjolenti u aggressivi.
  • Id-droga tiswa ħafna flus għalhekk hemm probabbiltà ikbar li twettaq atti kriminali u li tikser il-liġi biex ikollok biżżejjed flus għad-droga.
  • Sfidi psikoloġiċi – Id-drogi jistgħu ibiddlu ħafna l-imġiba ta’ persuna, li tista’ tiżviluppa f’dippressjoni jew ansjetà.
  • Overdose li twassal għal mard u f’xi każi anke mewt.

Kif tipprevjeni lilek innifsek mill-vizzju tad-droga

Kif semmejna qabel, hemm diversi raġunijiet li għalihom in-nies jaqgħu fil-vizzju tad-droga. Però, jekk tixtieq tevita li tispiċċa vittma tad-droga, hemm xi affarijiet li tista’ tagħmel.

  • Għid le – Tħallix il-biża’ tiegħek minn reazzjoni negattiva jew rifjut minn ħabib/a tipprevjenik milli tagħmel id-deċiżjonijiet li trid int. Jekk tħossok taħt pressjoni biex tagħmel xi ħaġa li ma tridx tagħmel, segwi t-triq li vera trid int.
  • Evita l-pressjoni – Evita milli toħroġ ma grupp ta’ ħbieb li l-ħin kollu jieħdu d-drogi. Huwa iktar faċli li tevita li tispiċċa vittma tad-droga jekk inti taħrab sitwazzjonijiet li fihom id-droga hija għażla possibbli.
  • Isma’ minn dawk li jridulek il-ġid – Waqt l-adolexxenza huwa komuni li jkollok bżonn tirribella. Din ir-ribelljoni, faċli li wieħed jattwa fuqha bħala mod li bih jirriinforza indipendenza u kontroll fuq il-ħajja. Ta’ min jiftakar li hemm nies li verament jixtiqulek il-ġid u li s-suġġerimenti tagħhom qegħdin hemm biex iżommuk sikur.
  • Tgħallem iktar dwar id-droga – Il-kapaċità li tagħmel deċiżjonijiet tajbin jiddependi fuq l-ammont ta’ fatti li taf, u mhux fuq l-informazzjoni li tisma’ mingħand in-nies.
  • Fittex l-għajnuna. Jekk inti jew xi ħadd li taf għandu problema bid-droga, fittex l-għajnuna. Tistenniex sakemm is-sitwazzjoni tiggrava. Hemm nies li qegħdin hemmhekk biex jgħinuk.

 

Li tinduna bil-problema

Wara li tkun abbużajt mid-droga fuq medda ta’ żmien, tista’ tirrealizza li inti jew persuna li taf, saru dipendenti fuq id-droga. ‘Dipendenti’ huwa terminu ġeneralment użat biex jiddeskrivi sitwazzjoni fejn il-ġisem huwa mdorri bil-konsum tas-sustanzi tant li jesperjenza sintomi negattivi jekk wieħed jieqaf jikkonsma s-sustanza. Sintomi ta’ dan it-tip jinkludu nuqqas t’abbiltà li torqod, sintomi ta’ meta jkollok riħ, sensittività u iktar.

Għalkemm huwa possibbli li jkollok dipendenza fiżika mingħajr ma tkun addicted, l-addiction ġenerlament tkun qrib.

Min-naħa l-oħra, ‘addiction’ normalment tirreferi għal bidliet biokimiċi fil-moħħ li jseħħu minħabba abbuż ta’ sustanzi. Il-persuna tħossha bħallikieku ma tkunx kapaċi tkampa mingħajr id-droga u din tista’ tikkawża nuqqas ta’ attenzjoni għall-benesseri tal-persuna nfisha. Jekk wieħed isir addicted, ikun għaqli li tfittex għajnuna professjonali. L-għajnuna tista’ tiġi provduta minn tabib, counsellor jew servizz speċjalizzat.

 

Jekk inti inċert jekk inti jew xi ħabib/a intomx qed tiżviluppaw xi problema tad-droga, hawn isfel tista’ ssib sinjali li jistgħu jagħtuk indikazzjoni:

  • Bidla fil-burdata jew instabbiltà emozzjonali
  • Iżżomm lura, tkun dippressat jew ostili
  • Toħroġ ma’ grupp ta’ ħbieb oħra
  • Tfalli l-iskola u/jew tirċievi marki ħżiena.
  • Ma tibqax interessat f’attivitajiet li qabel kienu jogħġbuk.
  • Bidliet fir-rutina ta’ ikel u rqad.
  • Tinqala’ fl-inkwiet fl-iskola.
  • Bidliet fir-relazzjonijiet bejn il-familja u l-ħbieb.
  • Tesperjenza blackouts minħabba l-abbuż tad-droga.

Sinjali ta’ problemi bid-drogi mhumiex limitati għal din il-lista t’hawn fuq. Jekk qatt tħoss li qed tiżviluppa problemi tad-droga, ara li tfittex l-għajnuna meħtieġa.

Jekk tixtieq li jkollok informazzjoni fuq drogi differenti, tista’ taqra iktar hawn or hawn or hawn.

Għandi problema bi drogi rikreazzjonali, nista’ nikseb għajnuna?

Iva, tista’ tirċievi għajnuna għal problemi relatati mad-drogi. Hemm numru ta’ organizzazzjonijiet li tista’ tikkuntattja.

OASI – Dan is-servizz joffri Outreach u laqgħat ta’ Motivazzjoni bħala mod li bih persuna tkun preparata biex tiġi aċċettata ġewwa l-Fażi Residenzjali tal-programm. http://www.oasi.org.mt/index.php/services/treatment-and-rehabilitation jew ċempel 2155 0189

Caritas – Joffri programm ta’ outreach għal abbuż ta’ sustanzi mill-individwu u anke għall-familjari jew ħbieb tiegħu. Joffru wkoll servizz ta’ rijabilitazzjoni li jinkludi fażijiet residenzjali u non-residenzjali. www.caritasmalta.org/

Sedqa – Joffru servizz ta’ prevenzjoni mis-sistema edukattiva, is-sistemi tax-xogħol u l-komunità mmirati li jirriklamaw l-okkorrenza ta’ mġiba dipendenti 2388 5110

Narcotics anonymous – Dan is-servizz huwa għal dawk li żviluppaw problema tad-droga kbira. Permezz ta’ laqgħat fi grupp, l-individwi jiffokaw fuq il-fejqan mid-dipendenza fuq id-droga. http://www.namalta.org/default.html

 

Qrabati jkunu jafu jekk jien infittex l-għajnuna?

Huwa rakkomandat li dawk il-persuni li huma qrib tiegħek, ikunu involuti fl-appoġġ biex jintlaħqu l-miri tiegħek b’mod effettiv. Meta tavviċina xi organizzazzjoni li tista’ tgħinek bi problema tad-droga, għandek l-opportunità li tkellimhom dwar lil min tixtieq tinvolvi u lil min ma tixtieqx tinvolvi fil-proċess ta’ sapport.

Ninqala’ fl-inkwiet mal-pulizija jekk infittex l-għajnuna?  

Tista’ tiddiskuti l-policy tal-kunfidenzjalità tal-organizzazzjoni qabel ma tikkommetti li tibbenefika minn servizz li jista’ jgħinek. Dawn is-servizzi ġeneralment ma jirrappurtawx l-ismijiet ta’ min qed jibbenefika mis-servizz. Però dan ivarja biċ-ċirkustanzi. Pereżempju, is-servizzi huma obbligati li jieħdu ħsieb il-benesseri tiegħek u dak ta’ ħaddieħor. Għalhekk, jekk is-servizzi jħossu li inti ser tagħmel ħsara lilek innifsek jew lil ħaddieħor, huma jistgħu jikkuntattjaw lill-pulizija.

Irrispettivament mill-metodu magħżul bħala mod ta’ kif tibda l-proċess ta’ rikoverazzjoni, is-servizzi qegħdin hemm biex jgħinuk. M’għandekx tħossok li qegħdin kontrik jew li qed jippruvaw jarawk tfalli.  

Li tfittex l-għajnuna huwa l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba.